Qorti

€1,000 multa u sospensjoni tal-liċenzja talli baqa’ dieħel f’vann tal-iskola f’Burmarrad

Andreas Buhagiar ta’ 29 sena ġie immultat €1,000 u kellu l-liċenzja sospiża għal tliet xhur wara li nstab ħati li ħames snin ilu baqa’ dieħel f’vann mimli tfal tal-iskola f’Burmarrad. Fl-inċident minbarra 10 studenti bniet li kienu jattendu l-Iskola Santa Monika weġġa’ wkoll ix-xufier li kellu 63 sena mill-Imġarr.

L-inċident seħħ fit-30 ta’ Mejju 2017, għall-ħabta tas-2.30pm, fejn tnejn mill-bniet ta’ seba’ snin sofrew ġrieħi gravi. It-tfal kellhom etajiet ta’ bejn il-ħamsa u 15-il sena. Buhagiar instab ħati li saq b’mod traskurat, li ma waqafx fuq stop sign u li kellu l-liċenzja skaduta.

Huwa nstab ħati li weġġa’ wħud mit-tfal fejn fil-ħin tal-inċident il-maġġoranza tagħhom bdew jgħajjtu u jwerżqu bil-ġenituri wkoll jikkonfermaw li uliedhom sofrew minn xokk kbir. Fil-Qorti ħareġ li Buhagiar kien nieżel minn Triq Ġebel Għażżara f’Burmarrad lejn Triq Burmarrad.

Huwa baqa’ ħiereġ u spiċċa fil-minibus li kien qed jinstaq fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar. Mad-daqqa l-vann spiċċa dar u baqa’ dieħel f’ħajt u ġarrab ħsarat kbar tant li ġie dikjarat ‘total loss’. Xi tfal spiċċaw l-isptar fejn inżammu tnejn li sofrew minn ġrieħi gravi.

Fil-kawża xehdu l-ommijiet tal-vittmi li spjegaw il-ġrieħi li sofrew it-tfal tagħhom. Waħda minnhom sofriet ksur f’sieqha l-leminija, spiċċat fil-ġips u damet xahar izzappap. Tifla oħra għamlet tliet ijiem l-isptar wara li fetħet moħħha li baqa’ mmarkat. Tifla oħra spiċċat b’ sitt punti f’irkoppitha waqt li oħra kellha feriti f’rasha.

Il-Maġistrat Simone Grech qalet li t-tort kien tal-akkużat li għal xi raġuni baqa’ ħiereġ mit-triq sekondarja. Il-Qorti kkunsidrat il-kontenut ta’ rapport soċjali li sar dwar iż-żagħżugħ qabel ma ngħatat is-sentenza. Il-Qorti nnotat ukoll li fl-aħħar xhieda mogħtija minn Grezzju Bartolo, s-sewwieq tal-vann.

Huwa sostna li kien moħħu fit-tfal, u ma setax ikun ċert li l-imputat kien is-sewwieq tal-vettura li ħabtet ġol-vann misjuq minnu. Madanakollu, l-Qorti qalet li għandha biżżejjed provi, inklużi l-affidavits tal-Uffiċjali tal-Puliżija, il-kontenut tal-‘Current Incident Report’, kif ukoll rikors magħmul mill-istess imputat fil-25 ta’ Ottubru, 2017.

Hawn huwa kien talab li huwa għad għandu effetti personali tiegħu ġewwa l-vettura misjuqa minnu, u li nżammet mill-Pulizija. Għalhekk, din il-Qorti tqies ukoll li l-identità tal-imputat u l-involviment ta’ dan l-inċident, ġiet ampjament ippruvata.