It-tfittxija għal Charlie Fino għadha ma waqfitx.
Aktar minn ġimgħatejn wara li l-anzjan ta’ 83 sena qabad u ħareġ fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu mir-Residenza ta’ San Vinċenz De Paule..fejn kien rikoverat..ħadd ma jaf fejn jinsab.
Dan l-għibien ixxokkja lil bosta, bil-Gvern jaħtar inkjesta interna….filwaqt li l-MUMN insistiet li dak li seħħ kien sforz in-nuqqas ta’ riżorsi umani li ilhom jappellaw ghalihom żmien twil.
Il-fatt jibqa’ li Fino, anzjan li jbagħti mill-kundizzjoni severa tad-dimensja….ħadd ma jaf x’sar minnu.
Ħmistax wara, il-qraba tal-vittma reġgħu daru għal midja soċjali sabiex jappellaw lill-pubbliku għall-għajnuna. Huma saħqu li għadhom ma waqfux ifittxuh…u li bi kliem iebes insistew li anke jekk huwa mejjet, importanti li jinstab sabiex ikunu jistgħu jagħmlulu funeral kif inhu xieraq.
Huma saħqu li dan il-bniedem ma jistax jintesa qisu xejn m’hu xejn…u hemm bżonn isir minn kollox biex Charlie Fino jinstab. Dan filwaqt li stqarrew li illum il-ġurnata sirna nagħtu kas aktar meta jintilef annimal milli meta jintilef persuna.
L-appell jibqa’ sabiex kull min għandu xi għelieqi jew proprjetajiet privati f’Ħal Luqa, Gudja, Qormi, Imqabba, Żurrieq, Qrendi, jew Ħal Safi, jiċċekja għall-possibiltà li l-anzjan qed jistkenn f’xi kmamar tal-għodda. Kull min għandu xi informazzjoni dwar il-każ għandu jinforma lill-Pulizija minnufih, anke b’mod anonimu.
//= $special ?>