Sport Sport Ieħor

Il-Malta Pool Association tippreżenta l-unuri tal-istaġun li għadu kemm intemm

Il-Malta Pool Association għada kif temmet l-istaġun bil-preżentazzjoni tal-unuri f’dak li kien l-34 stagun mit-twaqqif tal-assoċjazzjoni.  It-timijiet protagonisti f’ dan l-istaġun kienu Splendid Bar Qormi u Għaxaq Boċċi Club li kisbu tripletta kull wieħed.  Il-Kampjonat Premier kien mirbuħ minn Senglea Bocci Club filwaqt li Splendid Bar rebħu dak tal-Ewwel Divizjoni.  Għaxaq Bocci Club u St. George’s Band Club rebħu l-kampjonati tat-Tieni Divizjoni u t-Tielet Diviżjoni rispettivament filwaqt li Splendid Bar Qormi għalqu l-istagun bir-rebħ tas-Super Cup.

Lydan Debono rebaħ il-kampjonat nazzjonali ndividwali meta fil-finali għeleb lil Clayton Castaldi 8 bi 3.  Fl-istess serata l-assoċjazzjoni ppremjat lill-players li kisbu suċċess fil-kampjonati internazzjonali.  It-tim nazzjonali Malti taz-zgħazagħ ta’ taħt il-25 sena, immexxi minn Noel Cassar u kompost minn Dejan Grech, Ryan Pisani u Alessio Magro, rebaħ il-kampjonati Ewropej filwaqt li Dejan Grech ġie nkurunat champion tal-Ewropa tal-kategorija Open fl-istess kampjonati. 

Is-segretarju tal-assoċjazzjoni ta’ detalji rigward l-istaġun il-ġdid li ser jibda fil-25 ta’ Lulju.  F’ dan l-istaġun li jispiċċa f’ Gunju 2023 l-assoċjazzjoni ser tieħu sehem f’ żewġ kampjonati mondjali li ser isiru fl-Irlanda u l-Marokk kif ukoll fil-kampjonati Ewropej li ser issiru ġewwa pajjiżna fi Frar 2023.

Dejan Grech rebbieħ tal-Kampjonat Ewropew fil-Kategorija Open