Il-PN jappella biex il-prodott lokali jiġi inċentivat
Kont nistenna li l-Partit tal-Labour, minħabba l-għeruq soċjalisti tiegħu, joħroġ b’soluzzjoni għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi meta affaċjat b’din iż-żieda esaġerata tal-għoli tal-ħajja. Minflok tagħna politika b’viżjoni, tagħna soluzzjoni tal-biċċiet…fejn ma nafux x’se jiġri għada.
Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Rebekah Cilia.
Huwa saħaq li l-għoli tal-ħajja qed ikun ta’ theddida għall-familji …u hemm bżonn li kulħadd jingħata serħan il-moħħ.
Azzopardi qal li l-istħarriġ dwar l-għoli tal-ħajja li qal qed jagħmel preżentament il-Gvern tal-Labour, mhux biżżejjed għaliex il-poplu jrid b’mod immedjat soluzzjoni biex iċ-ċittadin ikun jista’ jfendi aħjar meta mħabbat wiċċ imb’wiċċ ma żieda enormi fil-prezzijiet.
Huwa insista li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu dmir li jisma l-karba tan-nies u mhux ifarfarha fuq il-gwerra fl-Ukrajna. u kompla jgħid li l-Gvern għandu dmir li jsolvi dawn il-piżijiet u li jgħin lill-importaturi, ir-raħħala u l-SMEs – bi pjan integrat ta’ appoġġ loġistiku għall-industrija.
Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Cilia rreferiet għal stħarriġ imwettaq mill-Caritas saħansitra qabel ma faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna fejn wera li l-ħajja għoliet b’minimu ta’ madwar mitt ewro fix-xahar.
Dan ifisser li ċ-ċekk li ta l-Labour qabel l-elezzjoni ġenerali serva biss biex jindirizza l-għoli tal-ħajja għal xahar wieħed biss. Hija saħqet li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja mhux il-PN biss qed jisħaq dwarha, iżda saħansitra anke l-ġurnal tal-Ħadd It-Torċa fejn kixef ol-pressjoni li ċ-ċittadin qed iħabbat wiċċu magħha.
Rebekah Cilia saħqet li minflok jibqa’ jkaxkar saqajh il-Gvern għandu jsib soluzzjoni għal dan kollu, u preferibilment jibda biex jagħti l-eluf ta ewro dovuti lill-familji ….misruqa mid-dawl u ilma; flus li l-Gvern ta’ Abela jinsab stinat biex ma jagħtix lura minkejja li l-Qorti tat raġun lill-Partit Nazzjonalista.
Hija temmet tgħid li f’żieda qawwija bħal din hemm bżonn li ninċentivaw il-prodott lokali sabiex ngħinu lil bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin…għal ġid taċ-ċittadin.
Għaldaqstant l-appell huwa ċar, il-poplu qiegħed jistenna soluzzjoni u għajnuna konkreta minn naħa tal-Gvern tal-Labour…u il-Partit Nazzjonalista se jibqa jkun tarka għal but il-poplu.
//= $special ?>