Lokali

“Issir inġustizzja meta l-Korp tal-Pulizija jkun imtappan bin-nuqqasijiet tal-ftit”

Fi kliem Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna, f’ċertu okkażjonijiet issir inġustizzja meta l-Korp tal-Pulizija jkun imtappan bin-nuqqasijiet tal-ftit. U għalhekk, anke l-Korp għandu bżonn jiġġedded biex jagħmel aħjar.

L-Arċisqof stqarr dan meta kien qed imexxi l-quddiesa fl-okkażjoni tal-208 snin mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija.

Huwa qal li l-missjoni tal-Pulizija qatt ma tista’ tkun waħda faċli. “Il-Korp għandu f’ħoġru programm impenjattiv, bil-battalja għas-sewwa u l-verità”.

Mons. Scicluna qal li bil-missjoni tal-Pulizija, aħna bħala poplu inserrħu rasna. U huwa għalhekk li l-membri tal-Korp għandhom ikunu ħielsa minn kull kompromess mal-poter.