Lokali Qorti

Koppja tammetti li daħlet f’karozza pparkjata wara li tkeċċiet minn lukanda

F’wieħed mir-reati strambi, koppja Bulgara ta’ 50 sena ammettiet li daħlet f’karozza pparkjata f’Buġibba u poġġew l-affarijiet tagħhom fiha, wara li l-lukanda tagħhom qaltilhom biex jitilqu. Plamen Goralov ta’ 56 sena u Penka Konstantinova Goralova ta’ 54 tressqu quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco mixlijin li kkaġunaw ħsarat b’valur ta’ €651 fil-vettura inkwistjoni.

L-Ispettur George Frendo spjega lill-Qorti li l-koppja kienet ħarġet barra mill-lukanda li kineu allo[[ati fiha f’Buġibba fis-7 ta’ Lulju. Fis-seduta ma ġiet żvelata l-ebda raġuni għat-tkeċċija tagħhom, iżda f’dik id-data, il-pulizija kienet irċeviet rapport mingħand individwu li kien mar għall-karozza pparkjata tiegħu u sab li kienet saritilha ħsara.

Innota wkoll oġġetti li ma kinux tiegħu fuq is-sit, kif ukoll traċċi ta’ demm. Il-koppja ġew arrestati meta, aktar tard dakinhar, reġgħu lura fil-vettura biex jiġbru l-affarijiet tagħhom. Guralova, qalet lill-Qorti li kienet tgħix f’lukanda f’Buġibba u li ma taħdimx.

Hija ammettiet l-akkużi. Żewġha, Goralov ta lill-Qorti-istess indirizz. Mistoqsi x’kien ix-​xogħol tiegħu, ir-​raġel wieġeb li huwa bennej. Huwa ammetta wkoll l-akkużi miġjubin kontrih. Il-qorti tat il-ħin lill-koppja biex jerġgħu jikkunsidraw l-ammissjoni tagħhom, u tat struzzjonijiet lill-avukat tal-għajnuna legali tagħhom biex jikkonsultahom u jagħtihom pariri legali meħtieġa.

Wara diversi minuti, il-koppja akkużata kkonfermat l-ammissjoni tagħha ta’ ħtija. Fis-sottomissjonijiet tagħha dwar il-piena, il-prosekuzzjoni talbet lill-qorti tordna lill-koppja tikkumpensa lil sid il-vettura għall-ħsara li kkawżaw, u żiedet li ma kellhom l-ebda rekord ta’ kundanni kriminali preċedenti. “Sentenza sospiża tkun biżżejjed,” qal l-ispettur.

L-Avukat Martin Matthew Farrugia, li assista lill-imputati, żied li r-raġel kien wera rimors fl-istqarrija tiegħu u li kienu ammettew fl-aktar stadju bikri tal-proċeduri. Huwa ssuġġerixxa li l-ħsara titħallas f’pagamenti ta’ €50 fix-xahar, iżda l-Qorti rrimarkat li somma daqshekk żgħira ma tkoprix il-ħsara kkawżata fit-tieqa fil-perjodu ta’ sitt xhur, skont il-liġi, “lanqas f’sena,” osservat l-maġistrat.

L-avukat spjega li l-akkużati m’gġandhomx meżżi, u lil qalulu li dak l-ammont biss jistgħu jħallsu. Wara li reġa’ kkonsulta mal-klijenti tiegħu, Farrugia informa lill-qorti li huma lesti jħallsu €100 fix-xahar. Il-maġistrat irrimarkat li €110 se jkopru d-danni eżattament f’sitt xhur, inkella l-vittma tkun intitolata li tippreżenta proċeduri għaliha, li xorta waħda jistgħu jikkundannaw lil-akkużati l-ħabs. Huma qablu li jħallsu dik is-somma.

Il-Maġistrat Lanfranco ikkundannat lill-koppja disa’ xhur ħabs, sospiżi għal 18-il xahar u ordnathom li jħallsu lura €651.62 lis-sid fi żmien is-sitt xhur li ġejjin, f’pagamenti ta’ kull xahar. Il-maġistrat wissiet lill-koppja bil-konsegwenzi ta’ din is-sentenza, u wissiehom biex jibqgħu barra mill-inkwiet.