Filwaqt li tapprezza l-fatt li l-Gvern qed jagħti l-minimu mitlub mid-direttiva tal-Work Life Balance, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qed titlob aktar kjarezza dwar min se jkun qed iħallas għall-leave tal-paternità.
Fi stqarrija, l-MEA qalet li l-piż finanzjarju għal dan il-leave se jkun qed jinġarr minn min iħaddem mill-2024 ‘il quddiem. Hija qalet li r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Gvern b’rabta ma’ din id-direttiva mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew injorati.
Fost il-proposti li ġew injorati kien hemm dik li tkun eliminata l-possibilità li l-parental leave ikun trasferit, bil-għan li jkun żgurat il-bilanċ bejn il-ġeneri.
L-assoċjazzjoni qalet ukoll li d-direttiva tal-Unjoni Ewropea ma tgħidx li l-ispejjeż marbuta mal-miżuri għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għandu jġorrhom min iħaddem.
L-MEA qalet li l-ispejjeż għal dawn il-benefiċċji mhumiex limitati biss għall-pagamenti, imma jinkludu wkoll l-ispejjeż għal impjegati oħra biex jieħdu post dawk bil-leave.
L-assoċjazzjoni esprimiet riżervi dwar l-enfażi ripetut li sar mjill-Gvern li dan hu ‘biss il-bidu’.
L-MEA qalet li Gvern għandu jkun ċar u jgħid eżatt x’inhuma l-pjanijiet fit-tul u medium term f’dan ir-rigward sabiex min iħaddem ikun preparat u jkun jista’ jippjana.
“Stqarrijiet vagi jwasslu biss għal spekulazzjoni u inċertezza, li naturalment huma detrimentali għall-investiment u l-inizjattivi. Dawn it-tip ta’ stqarrijiet iżidu l-aspettattivi f’perjodu meta ħafna kumpaniji qed ibatu biex jerġgħu jiksbu lura n-negozju li tilfu kawża tal-pandemija, filwaqt li huma mifnija biż-żidiet fil-prezzijiet u l-pressjonijiet tas-suq tax-xogħol – żewġ fatturi li laħqu livelli bla preċedent f’dawn l-aħħar erbgħin sena” temmet tgħid l-MEA.