Ma kinitx faċli… iżda kien determinat li din il-maratona ilestiha.
Dan hu Fabio Spiteri li minn età żgħira kien iħobb l-eżerċizzju u riċentament kien tħajjar biex jagħmel il-maratona Ironman għal ħames darbiet (5x) li kienet tikkonsisti f’19-il kilometru ta’ għawm, 900 kilometru qdif bir-rota u 211-il kilometru f’ġiri.
Din ma kinitx biss sfida personali iżda għamilha wkoll biex jgħin lill-annimali abbandunati li tant huma għal qalbu… kif spjegalna huwa stess.
Fabio Spiteri kien prova jagħmel din il-maratona fis-snin passati iżda minħabba nuqqas ta’ taħriġ, hu ma kienx irnexxilu jlestiha. Madanakollu, wara sena ta’ taħriġ, Fabio kien determinat u daħal b’ruħu ġismu biex ilestiha.
Sfida li żgur mhux forsi ma kinitx waħda faċli hekk kif apaprti li din il-maratona tirrikjedi stamina kbira, Fabio esperjenza wkoll maltempata qawwija… tant li spiċċa ma jiflaħx. Iżda xejn ma qatalu qalbu milli jieqaf minn din l-isfida.
Din il-maratona ħadet 111-il siegħa biex tlestiet, b’Fabio kien qed jorqod biss madwar sagħtejn kuljum filwaqt li kellu miegħu tim ta’ persuni jgħinuh jibqa’ miexi ‘l quddiem.
Il-Kap tal-PN, Bernard Grech iltaqa’ ma’ Fabio Spiteri t-Tlieta filghodu, u awguralu għal dan is-suċċess li kiseb; suċċess mhux biss personali iżda bi skop nobbli…biex jgħin lil tant annimali abbandunati u anke lix-shelters tal-annimali li jinsabu kollha mimlijin.
Waqt li l-laqgħa li kellhom, fejn preżenti kien hemm wkoll il-Kelliem għall-Isport Graham Bencini, Fabio Spiteri tenna illi minkejja li din ma kinitx sfida faċli….. ħadd u xejn mhu se jaqtalu qalbu milli japplika għal Ironman għal għaxar darbiet, jiġifieri sfida li hi d-doppju minn dik li għadu kemm lesta.