Sport Sport Ieħor

Boċċi: Żebbuġ jirbħu l-konfront dirett ma’ Għaxaq

Msida u Żebbug jibqgħu fl-ewwel post tal-klassifika fl-Ewwel Diviżjoni wara li dawn tal-aħħar għelbu lil Għaxaq 21 b’14 f’partita missielta quddiem udjenza numeruża li attendiet għal dan il-konfront bejn iż-żewġ timijiet li kienu qed jokkupaw l-ewwel post flimkien ma’ Msida. Kienu Għaxaq fetħu tajjeb u ħadu vantaġġ ta’ 7 punti biż-Żebbuġin jirrispondu u jgħamlu 2 punti . Żebbuġ bidlu il-fendatur imma Ghaxaq komplew tajjeb u għamlu il-punteġġ 11 bi 2. Il-partita kompliet tkun waħda interessanti meta Żebbuġ kellhom mument tajjeb u ġabu l-iskor 11 b’9.

Iż-Żebbuġin ma’ qatgħux qalbhom meta Għaxaq bidlu żewġ plejers, il-fendatur u l-captain tagħhom, pero kien kollu għalxejn għaliex Żebbuġ komplew jitjiebu biex rebħu l-partita 21 b’14 biex issa qed jokkupaw l-ewwel post flimkien ma’ Msida.

Msida rebħu lit-tim ta’ Marsamxett 21 bi 11 filwaqt li Buġibba, li weħidom kienu qed jokkupaw ir-raba’ post b’9 punti, sofrew telfa kontra t-tim ta’ Żurrieq 21 bi 2 biex Żurrieq ħadu t-tmien rebħa tagħhom u baqgħu jittamaw għar-raba’ post tal klassifika. St Peter’s Żabbar rebħu 21 bi 13 lit-tim ta’ Żabbar biex flimkien ma’ Bugibba u Qormi San Bastjan telgħu jokkupaw ir-raba’ post tal-klassifika b’9 punti. Qormi San Bastjan ma’ kienux fl-azzjoni meta ngħataw rebħa kontra tim ta’ Paola Schreiber li mhumiex jieħdu sehem filwaqt li Lija ukoll ħadu rebħa kontra t-tim ta Isla 21 b’0 li aktar kmieni rtiraw mill-kampjonat.