Ikompli jikber it-tħassib fost l-impjegati tal-linja tal-ajru ta’ pajjiżna l-Air Malta hekk kif bosta minn dawn il-ħaddiema qed iħossuhom ingannati mill-Gvern.
Informazzjoni li kiseb Net News turi li l-Air Malta trid iġġedded iż-żmien tat-tluq ta’ bosta ħaddiema li jaħdmu f’diversi sezzjonijiet tagħha – fosthom fil-qasam tal-ground handeling, kaptani u anke stewards – sal-aħħar ta’ Settembru. Dan minħabba li qed tisħaq li t-tmexxija l-ġdida mhux se tilħaq tkun lesta biex tibda topera qabel l-aħħar ta’ Settembru.
Il-ftehim oriġinali li kien sar bejn il-Gvern, il-GWU u l-Air Malta kien jgħid li l-impjegati kellhom jibqgħu jaħdmu sat-12 ta’ Awwissu iżda issa jidher li dawn se jkun mġiegħla jibqgħu hemm sal-aħħar ta’ Settembru. Apparti dan għadu mhux ċar jekk il-paga li se jkollhom dawn il-ħaddiema wara Awwissu, hux se tkun onorata.
Matul dan il-perjodu, dawn il-ħaddiema mistennija jintbagħtu mal-kumpanija tal-Gvern RSSL filwaqt li jibqgħu jagħtu serizz lill-Air Malta.
Il-General Workers Union qed tisħaq li x’aktarx dan ma jistax iseħħ peress li dawn il-ħaddiema jaqgħu taħt l-iskema ta’ state aid offruta mill-Unjoni Ewropea meta l-Gvern kien ħabbar li kien se jkeċċi iktar minn 500 ħaddiem mill-Air Malta.
Quddiem din is-sitwazzjoni l-GWU bagħtet ittra lill-partijiet kollha konċernati fosthom lill-ħaddiema affettwati kif ukoll lill-Gvern.
Jekk dan il-ftehim jibqa’ ma jkunx onorat, mhux eskluż li jittieħdu passi fil-Qrati Maltin sabiex finalement ikunu salvagwardjati l-interessi u d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema. Dan kollu huwa turija ċara ta’ kemm il-Gvern ta’ Robert Abela qatt ma kellu pjan ċar għal dawn il-ħaddiema għax kieku ma kienx jasal f’sitwazzjoni fejn qed jitlob estensjoni. Bil-Gvern issa spiċċa dahru mal-ħajt bil-ħaddiema tal-Air Malta jinsabu fil-limbu …u ma jafux x’se jiġri minnhom.