Internazzjonali

Hunt u Zahawi eliminati mill-ġirja għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv

Id-deputati Konservattivi jerġgħu jivvutaw il-Ħamis

Fir-Renju Unit, Jeremy Hunt kif ukoll Nadhim Zahawi sfaw eliminati mill-ewwel fażi fil-ġirja għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv.

Dan hekk kif it-tminn ismijiet li resqu ‘l quddiem biex jieħdu post Johnson kienu jeħtieġu minimu ta’ 30 vot f’dan ir-rawnd sabiex jibqghu fit-tiġrija. Filfatt, Jeremy Hunt ġab 18-il vot biss, filwaqt li Nadhim Zahawi akkwista 25 vot.

Rishi Sunak tela’ fil-quċċata hekk kif ġab l-aktar appoġġ fost id-deputati li vvutaw f’din l-ewwel fażi, fejn b’kollox irnexxilu jakkwista l-appoġġ ta’ 88 deputat. Dan filwaqt li Penny Mordaunt appoġjawha 67 deputat.

It-tminn deputati li daħlu għal din l-ewwel fażi kienu Kemi Badenoch, Suella Braverman, Jeremy Hunt, Penny Mordaunt, Rishi Sunak, Liz Truss, Tom Tugendhat u Nadhim Zahawi.

Is-sitt deputati li fadal, issa jgħaddu għat-tieni round ta’ votazzjoni li se jsir għada.

Il-proċess se jibqa’ għaddej sakemm l-aħħar kandidati jinżlu għal tnejn – bil-160,000 membru tal-Partit Konservattiv jivvutaw f’elezzjoni oħra fil-bidu ta’ Settembru.