Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li Sebastian (Bastjan) Dalli sofra minn ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu wara li każ ilu jkarkar mill-2009. Dalli kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Magistrati fit-3 ta’ Frar 2009, akkuzat b’reati ta’ assocjazzjoni fi traffikar ta’ droga. Ġie deċiż li l-aġir tal-prosekuzzjoni wassal għal ksur tad-drittijiet ta’ Dalli.
Jirriżulta li diġa kienet saret referenza kostituzzjonali u li sakemm saret din ir-referenza, kważi 12- il-sena wara, il-proċess quddiem il-Qorti msemmija kien għadu pendenti u aktar minn hekk, baqa’ fi stadju ta’ provi tal-prosekuzzjoni. Jirrizulta wkoll mix-xhieda moghtija mis-Supretendent Johann Fenech, li huwa l-ufficjal prosekutur fil-każ li fit-30 ta’ Ottubru 2018 huwa kien iddikjara illi lil hin mill-aspett penali, ma tistax ma ssirx referenza għall-ħela ta’ hin f’dawn il-proċeduri.
Dan peress li saret referenza kostituzzjonmali darbtejn, u dan peress illi ż-żewġ Imħallfin illi ġiet assenjata lilhom din ir-referenza qabel, kienu fost il-Maġistrati li kienu nvoluti f’dan il-każ. L-Imħallef Ian Spiteri Bailey fid-deċiżjoni tiegħu qal li mhemmx dubju li għandu jiġi rrimarkat li b’daqxejn ta’ attenzjoni u proċedura amministrattiva ħafifa u sistema aktar organiżżata meta jsiru referenzi kostituzzjonali, dan il-ħela ta’ ħin kollu jista’ jigi evitat.
Dan per,mezz ta’ sistema f’postha li tassikura illi referenza kostituzzjonali minn proceduri oħra jkunu assenjati b’mod immedjat lill-ġudikant u li jkun aċċertat illi qatt ma mess mal-proċeduri minn fejn tkun saret ir-referenza. Għal dawn il-motivi, il-Qorti ddikjarat li r-referenza kostituzzjonali lilha magħmula mill-Qorti tal-Maġistrati fil-21 ta’ Jannar 2021, tiddikjara illi Sebastian Dalli sofra lezjoni tad-drittijiet fondamentali tieghu ai termini tal-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem konsegwenza tal-agir tal-Prosekuzzjoni fil-kawza li tmur lura 13-il sena issa.
Il-QortiKostituzzjonali ordnat li l-atti jmorru lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u li din is-sentenza tiġi inserità fl-atti tal-istess proċeduri, sabiex l-istess Qorti tiddisponi mill-każ. Il-Qorti ordnat ukoll li din is-sentenza tiġi komunikata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Ministru responsabbli mill-Pulizija.
F’Marzu li għadda l-Imħallef Toni Abela kien ordna lill-Istat biex iħallas ‘il fuq minn €28,000 f’kumpens lil Sebastian (Bastjan) Dalli, wara li ddikjara li Dalli kien sofra ksur tad-drittijiet tal-bniedem minħabba dewmien li kien għaddej fil-proċeduri ta’ traffikar tad-droga kontrih, u minħabba l-liġi dwar l-impossibbiltà li tiġi kkontestata l-ordni ta’ ffriżar ta’ akkumpanjament.
Dalli, ħu l-eks ministru u Kummissarju tal-UE John Dalli, kien ippreżenta l-proċeduri Kostituzzjonali fl-2020. Huwa kien tressaq il-Qorti fi Frar tal-2009, akkużat b’konfoffa għall-importazzjoni tal-cannabis. Dalli kien ġie arrestata l-għada li operazzjoni tal-pulizija f’Miġra l-Ferħa li interrompiet dik li kienet suspettata li kienet kunsinna illegali ta’ cannabis – iżda li rriżulta li kien sapun.
Dalli ġie arrestat l-għada fuq sejħiet li kellu ma’ waħda mill-persuni involuti fl-allegat kuntrabandu. F’Jannar 2021, il-Qorti Kriminali kienet irrifjutat it-talba ta’ Dalli li tirrevoka l-ordni ta’ ffriżar, u qalet li l-ordni kellha tibqa’ fis-seħħ sakemm tingħata s-sentenza finali.
F’dik is-sentenza, iżda, il-Qorti Kriminali kienet stiednet ukoll lil Dalli biex iressaq kawża Kostituzzjonali dwar it-tul eċċessiv tal-proċeduri kontrih. Dak il-każ ġie deċiż favur Dalli mill-Imħallef Toni Abela nhar it-Tlieta, 21 ta’ Marzu. L-Imħallef kien ħadha qatta bla ħabet kontra l-prosekuzzjoni talli naqset milli tikkonkludi l-esebizzjoni tal-provi tagħha fil-każ tal-2009. “
Huwa kien esprima l-“frustrazzjoni u d-diżappunt tal-qorti għall-mod għal kollox mhux professjonali li bih l-aġenti kollha tal-Istat mexxew il-proċedimenti kriminali.” L-Imħallef Abela kien saħaq li dak li segwa mill-fajl tal-każ wasslu biex huwa “stagħġeb” dwar kif il-kawża kriminali kienet għadha differita għall-konklużjoni tal-evidenza tal-prosekuzzjoni wara 123 seduta xokkanti.
Ir-rekords wrew li fil-biċċa l-kbira tas-seduti ma ġara xejn, filwaqt li kompla josserva li “ħafna oħrajn kien fihom biss pretenzjoni li saret xi ħaġa.” Huwa qies ix-xhieda ta’ Dalli, li fiha kien iddeskriva kif l-ordnijiet tal-iffriżar “kissruli ħajti għal kollox”.
Dalli kien qal lill-Qorti li ma setax jaħdem jew iħallas bolla minħabba li l-banek kienu għalqulu l-kontijiet. “Illum lanqas pensjoni m’għandi. Ħajti nqerdet u ħajti tiddependi minn ħuti,” kien qal Dalli. Filwaqt li kien minnu li l-gwerra fil-Libja kienet ikkawżat xi dewmien fl-irċevuta ta’ ittri rogatorji fl-2011, l-imħallef qal li kien “inkredibbli” li l-prosekuzzjoni kienet iddikjarat l-ewwel prova tagħha magħluqa 12-il sena ilu iżda li l-każ kien għadu differit. għall-evidenza tal-prosekuzzjoni.