Raġel li din il-ġimgħa kien akkużat b’rabta mas-sejba ta’ cannabis fir-razzett tiegħu f’Għawdex, ingħata l-liberta’ proviżorja wara li l-Qorti ngħad li x-xhieda u l-evidenza materjali rilevanti kollha kienu ġew ippreservati. Luke Zammit Haber ta’ 30 sena mix-Xewkija kien tressaq il-Qorti nhar it-Tnejn, mixli b’kultivazzjoni u pussess aggravat ta’ kannabis, kif ukoll pussess ta’ ketamina u LSD.
Fir-razzett instabu xi 55 pjanta tal-cannabis. Meta l-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi quddiem il-maġistrat Donatella Frendo Dimech f’Għawdex, l-avukat Matthew Xuereb, li deher għal Zammit Haber, talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu.
Dan kien oġġezzjonat mill-prosekuzzjoni, li kkwotat il-gravità tal-akkużi. Il-Qorti, wara li semgħet lix-xhieda kollha tal-pulizija jixhdu fis-seduta tal-Erbgħa u rat li l-evidenza fiżika kollha miġbura kienet ġiet ippreservata fl-atti, kif ukoll il-fatt li ma kienx hemm xhieda ċivili għad iridu jixhdu.
Ġie osservat ukoll li l-gravità tal-akkużi biss ma kinitx raġuni biżżejjed biex tiċħad il-libertà proviżorja. Filwaqt li nnutat li l-Avukat Ġenerali ma qajjem l-ebda oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti awtorizzat li Zammit Haber jinħeles temporanjament mill-arrest kontra depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
L-akkużat ġie ordnat biex ma jersaqx lejn l-għalqa fejn instabu l-pjanti tal-cannabis, josserva curfew u jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija f’intervalli regolari. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja. L-Ispettur Mark Mercieca qed imexxi l-prosekuzzjoni. L-Avukat Matthew Xuereb irrappreżenta lill-akkużat.
//= $special ?>