Lokali

Kemm taħseb li ġiet tiswa din ix-xirja?

"Kollox qed jiżdied u ħadd ma jagħti kas - żgur mhux tort tal-gwerra!"

L-isfida tal-għoli tal-ħajja issa ilha aktar minn sena taffetwa lill-familji, u kompliet tiggrava fl-aħħar xhur.

Wara l-kummenti tal-Ministru Julia Farrugia Portelli li qajmu ħafna rabja, fejn uriet biċ-ċar li l-Gvern ma jafx x’se jaqbad jagħmel quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja, Net News irċieva messaġġi mingħand diversi persuni li kellmuna dwar kif ziedet ix-xirja bażika tagħhom.

Oħrajn qalulna li dawn iż-żidiet żgur mhumiex riżultat tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Filwaqt li diversi anzjani rrimarkaw li ilhom mis-sena l-oħra jinnotaw il-prezzijiet jgħolew.

F’każ partikolari, persuna għaddiet ritratt ta’ xirja meqjusa “inqas minn bażika” – li kien fiha biss 6 oġġetti.

Xirja li malli taraha tgħid li mhux se tiġi għolja ħafna, iżda fir-realtà għal 6 prodotti li jinkludu landa corned beef u chicken strips il-kont qabeż it-€30.

Ħafna fissru magħna li l-għoli tal-ħajja qed ikun ta’ theddida għall-familji u hemm bżonn li kulħadd jingħata serħan il-moħħ, dan hekk kif issa żdiedu n-numru ta’ familji li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Il-PN it-Tlieta saħaq Il-Gvern għandu dmir li jsolvi dawn il-piżijiet u li jgħin lill-importaturi, ir-raħħala u l-SMEs – bi pjan integrat ta’ appoġġ loġistiku għall-industrija.