Lokali

Konferma oħra li l-Gvern Laburista falla bil-kbir fil-qasam tal-ġustizzja – PN

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna li ġie ppubblikat illum huwa konferma oħra ta’ kemm il-Gvern Laburista falli bil-kbir fil-qasam tal-ġustizzja.

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliem għall-ġustizzja Karol Aquilina, imgħad li dan ir-rapport jikkonferma kemm il-Gvern Laburista m’għandux la rieda u lanqas l-interess li jtejjeb il-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna. Minflok il-Gvern Laburista jqis in-nuqqasijiet kbar li jeżistu fis-sistema tal-ġustizzja u n-nuqqas ta’ investiment fiha bħala garanzija li min wettaq abbużi kbar ta’ poter, ta’ korruzzjoni u reati serji oħra jibqa’ ma jieħux dak li ħaqqu.

Fost oħrajn dan qed isir billi l-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna jibqgħu ma jingħatawx ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirjiet tagħhom b’mod effettiv u effiċjenti. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq dwar il-proposti tiegħu dwar il-qasam tal-ġustizzja fosthom li:

  1. Jiġu mplimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fosthom l-Unexplained Wealth Orders fil-konfront ta’ politiċi, ir-reat ġdid għal min jabbuża mill-awtorità tal-uffiċċju tiegħu u d-delitt ta’ intraċċ għall-ġustizzja;
  1. Jitwaqqaf l-Uffiċċju ta’ Maġistrat Inkwirenti Speċjali kontra l-Korruzzjoni, li jkollu setgħat kbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, anke li jibda investigazzjoni minn jeddu; u
  1. Issir riforma ħolistika fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex din tkun tassew istituzzjoni immexxija minn persuna li għandha l-kapaċità u r-rieda soda li taġixxi bħala Prosekutur Ġenerali b’mod li jkun tassew indipendenti. L-Avukat Ġenerali għandu wkoll jibda jinħatar bil-vot ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati; u
  1. Issir riforma fil-mod kif isiru il-kumpilazzjonijiet biex il-każijiet quddiem il-Qrati ma jibqgħux isiru darbtejn.

Il-kelliem għall-ġustizzja Karol Aquilina qal li s’issa l-Gvern Laburista għażel li jinjora għal kollox dawn il-proposti u għadu s’issa ma ressaq l-ebda proposta konkreta li permezz tagħha jitnaqqas b’mod drastiku d-dewmien eżaġerat b’mod partikolari fil-proċeduri kriminali quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna. 

L-istatistika uffiċjali turi li qudiem il-Qrati ta’ pajjiżna hemm aktar minn 15,000 każ pendenti ta’ natura kriminali fosthom aktar minn 1,400 inkjesta maġisterjali, kważi 2,500 kumpilazzjoni, aktar minn 4,000 kawża tad-distrett u kważi 1,500 kawża dwar il-familja fosthom dawk dwar vjolenza domestika. Quddiem il-Parlament s’issa għad m’hemm l-ebda proposta ta’ liġi biex il-Gvern jippprova jindirizza din is-sitwazzjoni gravi li ġabet kundanna oħra mill-Kummissjoni Ewropea.