Lokali

L-għoli tal-ħajja huwa l-ikbar fattur li qed iwassal għall-faqar fost ir-refuġjati f’pajjiżna

L-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet għoljin tal-kera u l-istaġnar fil-pagi kienu fost l-iktar fatturi li wasslu għall-faqar fost il-popolazzjoni ta’ refuġjati f’Malta.

Dan ħareġ minn rapport li sar minn JRS Malta flimkien mal-Fondazzjoni Aditus li ta ħarsa lejn il-ġlieda kontra l-faqar li qed jaffaċċjaw il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil f’pajjiżna.

Ir-rapport, li joffri investigazzjoni dettaljata fuq l-isfidi li jaffaċjaw dawn il-persuni, iħares lejn l-esklużjoni soċjali, speċjalment meta kkumparat mal-bqija tal-popolazzjoni Maltija.

Matul konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kampus tal-Università l-Antika fil-Belt Valletta, ġew imnedija żewġ dokumenti: wieħed dwar l-investigazzjoni u ieħor dwar l-istejjer ta’ individwi li tkellmu mar-riċerkaturi.

Ir-rapport, miktub minn Julian Caruana u Alexia Rossi, sab li minħabba nuqqas t’abbiltà fil-lingwa Ingliża u Maltija u edukazzjoni bażika u minħabba  diskriminazzjoni razzjali u nuqqas fl-abbilitajiet relatati ma’ xogħol varji, persuni li qed ifittxu l-ażil huma limitati ħafna fejn jidħol is-suq tax-xogħol. Ir-riċerka turi kif persuni li qed ifittxu l-ażil, jaffaċċjaw faqar u esklużjoni soċjali mill-mument li jibdew il-ħajja tagħhom f’Malta.

Wara li sar dan l-istudju, JRS Malta u l-Fondazzjoni Aditus qed jisħqu biex il-gvern jirrevedi r-regolamenti li ma jippermettux refuġjati milli jkollhom impjieg f’pożizzjonijiet pubbliċi sabiex iwassal messaġġ li l-gvern jafda r-refuġjati biex ikunu parti mis-sistema ta’ pajjina.

Huma qed jappellaw lill-gvern biex jindirizza r-razziżmu b’mod aktar konkret. Dan hekk kif mill-intervist li saru joħroġ ċar li hemm il-mentalità li refuġjat ma jistax jassigura xogħol fiss b’kundizzjonijiet tajbin.

JRS Malta u l-Fondazzjoni Aditus jisħqu li l-Gvern għandu jagħti d-dritt tal-vot, u l-possibilità li r-refuġjati  jikkontestaw elezzjoni ġenerali. Wara iktar minn għoxrin sena jgħixu f’pajjiż li offrielhom l-ażil u protezzjoni, wasal iż-żmien biex il-gvern jilqa’, b’mod komplet, l-integrazzjoni ta’ persuni refuġjati. Dan sabiex ir-refuġjati ma jibqgħux is-suġġett politiku, imma jsiru huma wkoll entita’ li għandha sehem fil-politika Maltija.