Lokali

LOGOS HOPE: Fiera tal-ktieb b’differenza

5,000 ktieb kollha f’post wieħed… din id-darba f’post kemmxejn differenti mis-soltu hekk kif din il-fiera tal-ktieb bħalissa tinsab f’pajjiżna fuq il-bastiment Logos Hope.

L-MV Logos Hope huwa vapur li joffri l-ikbar fiera tal-kotba fuq il-baħar. Apparti dan, għandu ekwipaġġ ta’ voluntier- minn diversi pajjiżi; persuni ddedikati ferm b’viżjoni biex joffru tama lin-nies madwar id-dinja kollha, fosthom lil dawk li jkunu għaddejjin minn gwerra jew minn sitwazzjonijiet ta’ diżastri naturali.

Matul is-snin, dan il-vapur flimkien maz-zewġ vapuri l-oħra Logos u Doulos zaru madwar 1,5000 port f’150 pajjiz u laqgħu 49 miljun persuna abbord. L-400 voluntier li jinsabu fuq dan il-vapur ġejjin minn kull sfera tas-socjeta’ bi professjonijiet differenti

Waqt ċerimonja uffiċjali li saret l-Erbgħa filgħodu, il-Kaptan ta’ dan il-vapur James Berry qal li huwa ta’ unur għalih li bħalissa dan il-vapur qed iżur pajjizna… pajjiz li għandu storja unika fejn preċizament 11-il sena ilu dan il vapur kien irregistrat f’Malta għall-ewwel darba. Filfatt din hija t-tnax-il zjara ta’ wieħed mill-vapuri ta’ GBA matul dawn l-ahhar 51 sena.

Min-naħa tagħha l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca qalet li dan il-bastiment ifisser ukoll ċelebrazzjoni ta’ ġenerozita fejn wieħed jagħti parti minn ħajtu sabiex jgħin lill-proxxmu.

Intant, apparti li jara firxa wiesgħa ta’ kotba għall-familja kollha li jinkludu pubblikazzjonijiet dwar ix-xjenza, il-mediċina, il-lingwa, l-isports, kotba għat-tfal kif ukoll dwar passatempi varji… il-pubbliku għandu wkoll l-okkazjoni li jiltaqa’ mad-diversi voluntieri minn madwar id-dinja kollha u jisma’ l-esperjenzi differenti tagħhom.

Dan il-vapur se jibqa’ f’pajjiżna sal-aħħar ta’ Lulju fejn dawk kollha li jixtiequ jżuru din il-fiera tal-ktieb jistgħu jagħmlu dan mit-Tlieta sal-Ħadd mit-3 sal-10pm, bis-Sibtijiet tkun miftuħa wkoll filgħodu mill-10am sas-1pm.