Luke Micallef ta’ Pembroke AC waqqaf rekord nazzjonali ġdid fit-3000m steeplechase b’ħin ta’ 9:18.32, titjib impressjonanti fuq il-ħin preċedenti ta’ 9:24.89, li huwa stess kien kiseb f’Lulju 2018. Ir-riżultat miksub minn Micallef kien aktar impressjonanti b’konsiderazzjoni li l-atleta kien qed jiġri ftit jiem biss wara tellieqa iebsa ferm ta’ 18-il kilometru fi Spanja bħala parti mill-Kampjonat Ewropew Off-Road.
Dan kien wieħed minn serje ta’ riżultati b’saħħithom miksuba waqt il-Kampjonati Nazzjonali li saru fl-Istadium tal-Atletika tal-Marsa fl-aħħar jiem.
L-atleta Olimpika Carla Scicluna (Pembroke AC) ikkonfermat il-konsistenza tagħha fl-isprint b’doppjetta fil-100m u l-200m. Filwaqt li l-qawwa tagħha fuq l-100m kienet ċara, bl-ebda atleta oħra ma tinżel bħalha taħt it-12-il sekonda, il-200m kienet taqtigħa fejn Scicluna (24”30, personal best) għelbet lil Charlotte Wingfield (24”46). Dawn iż-żewġ atleti qed ikomplu jixprunaw lil xulxin għal ħinijiet aħjar – u t-tnejn kisbu l-aqwa riżultati fid-distanza minn atleti Maltin. Scicluna u Wingfield (Pembroke AC) se jingħaqdu ma’ Janet Richard (Pembroke AC), rebbieħa tal-400m (54”54) fil-Logħob tal-Commonwealth li se jsiru f’Birmingham tliet ġimgħat oħra.
L-aktar tellieqa missielta fil-Kampjonati Nazzjonali ta’ din is-sena kienet ċertament il-100m tal-irġiel, deċiża biss b’1/100 ta’ sekonda, hekk kif Beppe Grillo (Pembroke AC) rebaħ f’ħin ta’ 10”73 quddiem Luke Bezzina’s (Pembroke AC) b’10”74. Beppe Grillo rebaħ ukoll il-200m f’ħin ta’ 21”87, quddiem iż-żagħżugħ Matthew Galea Soler (La Salle AC (22”39), dan tal-aħħar frisk minn prestazzjoni eċċellenti li wasslitu fil-finali fil-Kampjonati Ewropej Under18 f’Ġerusalemm.
Jared Micallef (Pembroke AC), li għadu kif ġie uffiċjalizzat bħala atleta Malti, tellaq għall-ewwel darba f’pajjiżna fuq l-400m u t-800m. Huwa kiseb double b’ħinijiet ta’ 48”14 u 1:50.26. Christian Luke Chetcuti (Pembroke AC) temm fit-tieni post fit-800m irġiel bl-aqwa ħin personali ta’ 1:52.35. L-1500m intrebħet minn Jean Paul Debono (Zurrieq Wolves AC) f’ħin ta’ 3:54.85.
Fil-kompetizzjonijiet tat-tfigħ, doppjetta għal Bradley Mifsud ta’ Pembroke AC, b’personal best fid-discus (51.56m) biex hekk kompla jersaq qrib ir-rekord nazzjonali ta’ 51.92, li jappartjeni għal Luke Farrugia (Rush AC) . Mifsud rebaħ ukoll ix-shotput b’tefa ta’ 14.14m.
Mireya Cassar (Pembroke AC) kienet l-atleta li marret id-dar bl-aktar titli nazzjonali hekk kif rebħet tlieta minn erba’ avvenimenti fit-tfigħ. Hija rebħet il-kompetizzjoni tal-hammer, javelin u shotput b’distanza ta’ 48.27m, 31.07m u 12.20m rispettivament. L-aħħar żewġ riżultati tniżżlu fil-kotba tal-istorja hekk kif irrappreżentaw rekords tal-kategorija kemm fuq livell Under 20 kif ukoll Under 23.
Fi tlielaq itwal, riżultat impressjonanti għal Dillon Cassar tat-tim tal-Mellieħa AC li ftit jiem biss wara nofs maratona iebsa fl-Alġerija bħala parti mil-Logħob tal-Mediterran, rebaħ it-3000m bl-aqwa ħin tas-sena f’pajjiżna u personal best għalih ta’ 8:29.36. Ftit jiem wara huwa ddomina mill-bidu sal-aħħar it-tellieqa tal-5000m b’ħin ta’ 14:54.
Sana Grillo (Pembroke AC) rebħet il-pole vault tan-nisa b’qabża ta’ 3.30m, filwaqt li Claire Azzopardi (Pembroke AC) f’kundizzjonijiet diffiċli ta’ riħ rebħet il-long jump b’5.89m, ftit jiem qabel tikkompeti fil-Kampjonati Dinjija f’Oregon. Il-kompetizzjoni tal-irġiel intrebħet minn Ian Paul Grech (Pembroke AC).
Nathan Saliba (Pembroke AC) kiser r-rekord tal-U18 fl-400m hurdles b’ħin ta’ 1:02.57.
//= $special ?>