Wara l-aħbar li l-missirijiet se jkunu intitolati għal għaxart ijiem leave imħallsa mat-twelid ta’ uliedhom, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-fatt li l-parental leave se jkun mifrux matul l-ewwel 8 snin ta’ kull tifel u tifla, se jkun diffiċli ħafna għal min iħaddem li jżomm rendikont ta’ kemm ikun ittieħed leave mill-ġenituri. Dan peress li n-nies jistgħu jibdlu l-impjieg diversi drabi matul it-8 snin.
Il-Kamra ta’ Malta tinsisti li jkollha sistema ċentralizzata biex iżżomm rekord tal-utilizzazzjoni tal-leave tal-ġenituri, amministrata minn Jobsplus, DIER jew il-Maternity Leave Fund. Dan se jiżgura li ma jkun hemm l-ebda abbuż tal-benefiċċju u jiffaċilita l-piż amministrattiv tal-implimentazzjoni fuq min iħaddem.
Malta għandha l-obbligu li timplimenta din id-Direttiva tal-UE sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Din id-Direttiva ġiet miftiehma fuq livell Ewropew fi żmien meta l-impjegati ma kinux qed jiffaċċjaw il-pressjonijiet inflazzjonarji li qed jinħassu llum. Għalhekk, il-Kamra tal-Kummerċ qed tisħaq li għandha tkun moitluba implimentazzjoni prudenti ta’ din id-Direttiva minħabba l-klima ekonomika prevalenti biex jiġi evitat li tiżdied inflazzjoni ulterjuri.
Il-Kamra tal-Kummerċ temmen li fl-interess li tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-leave tal-ġenituri, u aktar importanti minn hekk, li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ugwali tal-piż bejn il-ġenituri, irrispettivament mis-sess, l-ebda porzjon mid-dritt għal-leave tal-ġenituri ma għandu jkun trasferibbli.
Din ir-rakkomandazzjoni saret mill-korpi kollha ta’ min iħaddem b’mod konġunt bil-miktub, iżda ma tteħidx mill-Gvern. Din hija opportunità mitlufa biex issir xi ħaġa tanġibbli biex jiġu indirizzati kemm id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi kif ukoll id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u tmur kontra l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Il-Kamra tal-Kummerċ iżżid li l-Gvern se jkun qed jiffinanzja l-benefiċċji addizzjonali fl-ewwel sena iżda wara dan iż-żmien. se jpoġġi l-kumplament tal-ispiża fuq min iħaddem, permezz ta’ żidiet sostanzjali fil-kontribuzzjonijiet tal-Fond għal-Leave tal-Maternità.
Dan se jkollu impatt negattiv fuq in-negozji hekk kif ħafna minnhom għadhom qed jippruvaw jirkupraw mill-pandemija u jitħabtu ma’ diversi sfidi bħan-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ħiliet u l-inflazzjoni tal-pagi, l-ispejjeż għoljin tal-materja prima u t-trasport, u l-inċertezza dwar is-sostenibbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija attwali. Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li s-sitwazzjoni attwali titlob sensittività akbar u valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni wara l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni.
//= $special ?>