Lokali

“Robert Abela għadu ma jridx jikkonsulta dwar l-Ombudsman u l-Kummissarju tal-Istandards”

"Il-PN qed ikun preżenti b'ħidma importanti"

Fi kliem Bernard Grech, huwa kruċjali li insibu l-persuni biex jimtlew il-karigi pendenti ta’ ċertu istituzzjonijiet importanti f’pajjiżna. Iżda l-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh. Dan wara li l-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards ġiet vakata, filwaqt li l-kariga tal-Ombudsman ukoll hemm bżonn timtela. Iżda sal-lum għadha ma saret ebda konsultazzjoni minn naħa tal-Gvern.

Waqt intervista fuq Net FM, Bernard Grech qal li dan kollu qed jikkonferma kemm Robert Abela ma jikkonsultax. Kif fuq kollox deher fl-aħħar xhur, inkluż bl-attitudni li ħa l-Prim Ministru ma’ għaqdiet u Korpi Kostitwiti.

Bernard Grech fakkar li l-karigi kollha f’pajjiżna huma importanti, u li fihom għandu jkun hemm persuni integri u kapaċi. U għalhekk, stqarr il-Kap tal-PN, il-Prim Ministru għandu obbligu jikkonsulta.

Il-ħidma Parlamentari

Meta tkellem dwar il-ħidma Parlamentari, il-Kap tal-PN semma’ kif anke hawn mhix tingħata informazzjoni minn naħa tal-Gvern. “Din hija attitudni ta’ arroganza fil-konfront tal-poplu”.

Hawn, Bernard Grech fakkar kemm il-PN qed ikun preżenti b’ħidma importanti – fil-Parlament u lil hinn.

“Il-Partit għadu għaddej bix-xogħol u qed ikun effettiv, inkluż meta wieħed iħares lejn l-emendi li għamilna fil-liġi tal-IVF”, stqarr il-Kap tal-PN. U qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viġilanti fuq il-ħidma fost l-oħrajn tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija.

L-isfida tal-inflazzjoni

Dwar l-għoli tal-ħajja, Bernard Grech qal li din qed taffetwa lil ħafna familji, liż-żgħażagħ u anke lill-anzjani. Hawn, hu semma’ kif il-Gvern ta’ Robert Abela għadu bla soluzzjonijiet u lin-nies qed iħallihom jgħumu weħidhom.

Din il-problema, qal il-Kap tal-PN, qed taffetwa l-istil tal-ħajja tan-nies li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Fl-intervista ma’ Dione Borg, Bernard Grech fakkar li apparti l-għoli tal-ħajja, il-Gvern għadu qed jisraq lill-familji mill-kontijiet tad-dawl. B’Robert Abela jibqa’ stinat u ma jridx irodd lura l-miljuni li nsterqu.

Intant, apparti li semma’ l-iskandlu ta’ Sadeen u l-kwistjoni tal-mużika għolja fil-Belt Valletta, Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-elezzjoni għall-Viċi Kap tal-PN fejn stqarr li dan huwa proċess ta’ tiġdid meħtieġ biex tibqa’ ssir differenza għall-ġid tan-nies. “Inħares ‘il quddiem biex naħdem mal-Viċi Kap għaliex dan huwa l-punt tat-tluq, ħalli insaħħu l-ħidma tagħna”.