Sport Waterpolo

San Ġiljan jingħataw battikata iżda xorta joħorġu rebbieħa … faċli għal Neptunes u Ta’ Xbiex

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 8

SIRENS MECCA MARINE…….. 6

(0-2), (3-3), (3-1), (2-0)

San Ġiljan JP Projects tħabtu iżda finalment ħadu dak li riedu. B’dawn it-tliet punti huma għadhom isegwu lil Neptunes bit-tama li jirnexxilhom jispiċċaw fil-quċċata qabel il-play-offs. Sirens kellhom prestazzjoni pożittiva iżda finalment ma għandhom xejn x’juru hekk kif meta marru minn taħt għall-ewwel darba, ma rnexxielhomx iwettqu reazzjoni biex salvaw logħba.

Sirens meritatament rebħu l-ewwel sessjoni 2-0 b’gowls ta’ Jerome Zerafa Gregory u penalty ta’ Matthew Sciberras. San Ġiljan naqqsu d-distakk fit-tieni sessjoni bi ġmiel ta’ backhand ta’ Matthew Zammit. Sirens kienu għaqlin biżżejjed li wieġbu kull darba li l-avversarji sabu x-xibka u temmew is-sessjoni 5-3.

San Ġiljan għollew il-livell tal-prestazzjoni fit-tielet sessjoni u filwaqt li Sirens ma baqgħux preċiżi kif kienu, San Ġiljan irkupraw l-iżvantaġġ darbtejn. L-ewwel permezz ta’ Ben Plumpton u Peter Borg biex wara l-lob preċiż ta’ Ken Erdogan, kien Andreas Galea li skorja eżatt ma’ tmiem is-sessjoni.

Kollox kellu jkun deċiż fl-aħħar sessjoni. Minn ċans li Sirens imorru minn fuq, spiċċaw marru minn taħt fl-azzjoni sussegwenti, b’Plumpton jiskorja t-tieni gowl personali. Jake Bonavia għalaq il-logħba fl-aħħar minuta tal-logħba.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea (1), N. Schiavone, R. Caruana, M. Zammit (1), B. Plumpton (2), D. Tully (1), J. Bonavia (1), N. Zammit (1), D. Zammit, N. Bugelli, G. Vassallo, M. Ortoleva, D. Fero

Sirens: T. Micallef, P. Serracino (1), K. Erdogan (1), J. Sciberras, J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia, M. Chircop, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (2), M. Azzopardi (1), M. Bonello Dupuis, G. Melillo, K. Agius

Referees: Massimiliano Sponza, Massimo Angileri

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 19

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 3

(6-0), (5-1), (4-1), (4-1)

Neptunes Videoslots komplew jikkonfermaw li fil-preżent huma t-tim li jinsab l-aktar fil-forma. Huma għamluha faċli għalihom infushom b’wirja mill-aqwa, bit-tim ta’ Birżebbuġa ftit seta’ jagħmel biex joffri sfida denja. Birżebbuġa ħassew in-nuqqas tal-captain David Cutajar.

It-tim ta’ Jovan Popovic bena vantaġġ komdu ta’ sitt gowls fl-ewwel sessjoni, b’Jake Muscat jispikka bi tripletta. Sam Gialanze, Michael Spiteri Staines u Mark Castillo kabbru l-vantaġġ għal 9-0 fit-tieni sessjoni sakemm Miguel Curmi naqqas id-distakk.

It-tielet sessjoni kienet dedikata għal Stevie Camilleri. Il-captain ta’ Neptunes skorja tliet gowls konsekuttivi u kabbar il-vantaġġ għal 15-2, b’gowl minnhom ċertament li kien il-gowl tal-logħba. Fl-aħħar sessjoni, Neptunes komplew jilagħbu bl-istess rendiment b’Sam Gialanze jissiġilla r-rebħa b’doppjetta.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (3), S. Gialanze (4), G. Pace, J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (6), J. Camilleri, J. Abela (3), M. Spiteri Staines (2), A. Fenech, M. Castillo (1), M. Rossi, M. Farrugia

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Cassar, B. Grech, C. Mifsud (1), R. Mock, N. Fenech, S. Bezzina (1), K. Tanti, G. Mannino, M. Curmi (1), M. Sladden, M. Giarratana, G. Sammut

Referees: Fabio Brasiliano, Peter Balzan

TA’ XBIEX AMIGOS………… 15

BARRACUDAS……………….. 4

(4-2), (5-0), (3-1), (3-1)

Ta’ Xbiex Amigos saħħew it-tielet post fl-Ewwel Diviżjoni meta f’logħba bla storja ma sabux diffikultà biex jegħlbu lit-tim tal-qiegħ Barracudas. Ta’ Xbiex bnew vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel sessjoni iżda Barracudas wieġbu b’żewġ gowls ta’ Ascanio Piccione u Andrew Magri.

Iżda jekk l-ewwel sessjoni ntemmet 4-2, iż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex prattikament aċċertaw mit-tliet punti fit-tieni sessjoni. Huma skorjaw ħamsa mingħajr risposta, b’Jayden Cassar jiskorja doppjetta.

Edward Meli għen lil Ta’ Xbiex ikomplu jkabbru l-vantaġġ fit-tielet sessjoni, bl-avversarji ftit joffru reżistenza. L-istess ġara fl-aħħar sessjoni, b’Elijah Schembri, Jayden Cassar u Basti Attard Littschwager jagħmlu l-iskor 15-3, b’Dean Ciantar jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni lejn it-tmiem.

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (2), J. Pace Mizzi (1), E. Meli (3), S. Engerer, J. Saliba, J. Cassar (4), E. Schembri (3), Z. Cutajar Licari, B. Attard Littschwager (1), J. Chircop (1), D. Galea Mule, P. Tabone, T. Fenech

Barracudas: M. Gouder, A. Piccione (1), A. Magri (2), P. Micallef, D. Ciantar (1), R. Sciortino, S. Aquilina, L. Galea, D. Camilleri, J. Bugeja, A. Mifsud, T.J. Mifsud, C. Bugeja, A. Grima Scott, N. Camenzuli

Referees: Massimiliano Sponza, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

It-Tlieta 19 ta’ Lulju

L-Ewwel Diviżjoni: Marsaskala v Barracudas 6.15pm, Ta’ Xbiex v Otters 7.20pm

Kampjonat Premier: Sliema v Birżebbuġa 8.25pm