Futbol Sport

Senglea Athletic jirbħu l-appell u għalissa jibqgħu fiċ-Challenge League

Il-Bord tal-Appelli fi ħdan il-Malta Football Association aċċetta l-argument ta’ Senglea Athletic F.C., li l-klabb għandu jżomm postu fiċ-Challenge League bħalma se jżomm postu wkoll il-klabb ta’ Vittoriosa Stars.

Rappreżentati mill-avukat Adrian Delia, Senglea Athletic F.C. kienu qed jitolbu li terġa’ tkun kunsidrata l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ Artiklu 5, li jipprovdi li meta jkun hemm iktar minn klabb wieħed fl-istess pożizzjoni, l-ebda wieħed miż-żewġ klabbs ma jiġi relgat.

L-appell tressaq wara deċiżjoni li jkunu biss Vittoriosa Stars li jżommu posthom fiċ-Challenge League, u mhux huma, meta nħolqot vakanza minħabba li Pembroke Athleta F.C. għażlu li jiġu relegati. Iż-żewġ klabbs tal-Kottonera kklassifikaw it-tielet mill-aħħar fil-gruppi rispettivi tagħhom.

Il-klabb issa qed jappella lill-Bord Eżekuttiv tal-Malta Football Association biex b’mod immedjat jirratifika din id-deċiżjoni u l-klabb tal-Isla jżomm postu f’din id-diviżjoni.