Matul l-aħħar jumejn quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’Lussemburgu, bdiet tinstema’ l-kawża li fetħu l-klabbs li għadhom jifformaw parti mill-European Super League kontra l-FIFA u l-UEFA.
Il-kumpanija wara l-iskema falluta tinsab fil-Qorti biex tipperswadi lill-imħallfin, li l-FIFA u l-UEFA kisru l-liġi tal-UE billi mblukkaw il-kompetizzjoni s-sena l-oħra – li tista’ twitti t-triq għal ritorn tal-kunċett tal-‘break-away’ minn diversi klabbs kbar fl-Ewropa li xtaqu jifurmaw kompetizzjoni ġdida u li hi magħluqa esklussivament għalihom biss.
Esperti qalu li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tista’ tkun akbar minn dik mgħotija fil-każ tal-Bosman Ruling fis-snin 90, li bidlet is-suq tat-trasferimenti fil-futbol Ewropew. Il-European Super League Company qed titlob lill-Qorti biex tiċċara l-liġi fir-rigward tal-kontroll tal-logħba mill-FIFA u l-UEFA fl-Ewropa u d-drittijiet tal-kompetituri.
Il-kawża, li għandha n-numru ta’ referenza C-333/21, se tinstema’ minn Awla Manja ta’ 15-il imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija indikazzjoni ta’ kemm l-każ huwa maħsub li huwa potenzjalment sinifikanti u kumpless. Ħafna drabi, il-kawżi riferuti lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jinstemgħu minn awli ta’ tlieta jew ħames imħallfin.
Favur il-kawża tal-FIFA u l-UEFA fl-aħħar jumejn kien hemm madwar 20 avukat ieħor ta’ stati membri fl-Unjoni Ewropea li għamlu s-sottomissjonijiet orali fil-Qorti, fosthom Malta li kienet irrappreżentata mill-uffiċju tal-Avukat tal-Istat wara ħidma konġunta bejn il-Gvern Malti u l-Malta Football Association.
Il-ħolqien tas-Super League huwa meqjus bħala riskju kbir għas-sistema ta’ solidarjeta’ li teżisti fl-Ewropa fil-qasam tal-futbol u li tista’ tħalli effetti negattivi kbar għat-timijiet nazzjonali u għall-kompetizzjonijiet taċ-Champions League, l-Europa League u l-Europa Conference League, minn fejn il-klabbs Maltin huma assigurati dħul finanzjarju importanti.
//= $special ?>