Koppja li għandhom problema akuta tad-droga ġew ikkundannati tliet snin u nofs ħabs kull wieħed wara li ammettew li kkommettew serqa bi vjolenza fuq raġel ta’ 43 sena li kien qed jaqsam it-triq. Il-vittma allegatament ġie avviċinat l-ewwel mill-mara li talbitlu l-flus. Ftit wara ngħaqad magħha s-sieħeb tagħha li allegatament hedded lill-vittma b’ sikkina, u talbu aktar flus.
Il-vittma irnexxielu jaħrab, iżda baqa’ jiġi segwit mill-koppja sa proprjetà privata fejn huwa mar jistaħba. Kienet bdiet tfittxija għal mara u r-raġel u wara siegħa l-mara inlemħet fl-inħawi u ġiet arrestata. Aktar tard, uffiċjal tar-Rapid Intervention Unit li dak il-ħin inzerta ma kienx xogħol lemaħ lis-suspettat raġel bilqiegħda f’karozza li kienet qed tinstaq fil-Gżira.
Ir-reat seħħ fl-4 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra għall-ħabta tal-11.00am. ġewwa il-Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa li jinsab fix-Xatt ta’ Ta’Xbiex fejn serqulu €40 fi flus kontanti. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak fis-sentenza tagħha fil-konfront ta’ Tony Armando Zahra ta’ 47 sena, residenti San Pawl il-Baħar u Josephine Grixti ta’ 56 sena residenti l-Belt Valletta qalet li ma tara l-ebda xaqq ta’ dawl li xi darba xi ħadd minnhom jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba
Ir-raġel instab ħati wkoll li kellu fil-pusses tiegħu sikkina, li hedded lill-vittma biha u li kissirlu n-nuċċali waqt li kien qed jaqsam it-triq għall-affari tiegħu u li ssekwestrah. Instab ukoll li l-mara kienet kienet fl-istess ġnien fejn seħħ l-inċident dak inhar, titlajja għal skop ta’ prostituzzjoni.
Meta tressqu l-Qorti f’Awwissu tas-sena l-oħra huma kienu wieġbu mhux ħatja, iżda dan l-aħħar huma ddeċidew li jammettu l-akkużi miġjubin kontrihom. “Iż-żewġ imputati ġew misjuba ħatja ta’ reati konnessi ma’ serq għal aktar minn tliet darbiet kull wieħed,” qalet il-Qorti, li għaldaqstant għandha l-fakoltà li saħansitra żżid il-piena applikabbli bi tliet gradi skont il-liġi.
Fir-rigward taż-żieda fil-grad tal-piena minħabba li huma reċidivi, l-Qorti għażlet li ma’ tapplikax dan il-kunċett. Fir-rigward ta’ Zahra l-Qorti mponiet multa ta’ €116.47 u ordnat il-konfiska tas-sikkina li ntużat fir-reat. Inħarġet ukoll ordni ta’ kumpens fil-konfront ta’ Zahra u dan billi ordnatlu jħallsu s-somma ta’ €2,536 bħala kumpens għall-ħsara fin-nuċċali tiegħu.
Fir-rigward tal-imputata Grixti ordnat li l-ammont ta’ €500 depożitat minnha bħala garanzija meta ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor jiġi kkonfiskat favur il-Gvern. Rigward l-ammissjoni tal-koppja, l-Maġistrat Axiak qal din ma seħħitx fi stadju bikri tal-proċeduri imma 10 xhur u nofs wara li tressqu l-Qorti akkużati b’dawn ir-reati.
Sadanittant inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin b’dan illi l-imputati ġew pprojbiti milli javviċinaw jew b’xi mod isegwu l-movimenti tal-vittma, li jmorru fejn jgħix, jaħdem jew jiffrekwentawh jew jikkuntattjaw direttament jew indirettament jew jimmolestawh.
Il-Qorti spjegat lill-imputati li jekk mingħajr skuża raġonevoli jiksru xi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta fuqhom f’din l-ordni huma jkunu ħatja ta’ reat u jistgħu jeħlu, meta jinstabu ħatja, multa ta’ €7,000 jew priġunerija ta’ mhux iżjed minn sentejn jew il-multa u priġunerija flimkien.
Il-Qorti ordnat li din l-ordni tiġi kkomunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-ħatja ġew ordnati wkoll li jħallsu l-ispejjeż relatati mal-ħatra talesperti maħtura minnha li jammontaw għas-somma ta’ € 1,819.64.
Fuq xewqa tal-imputati stess il-Qorti rrakkomandat lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi sabiex jidderieġi lill-imputati għall-assessment relattiv bil-għan li dawn ikunu jistgħu jibdew programm ta’ riabilitazzjoni kontra l-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Gulia u Lydon Zammit. Għal Zahra deher l-Avukat Benjamin Valenzia filwaqt li għal Grixti deher l-Avukat Jason Grima,
//= $special ?>