Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv fuq akkużi relatati ma’ hold up f’Birkirkara f’Mejju li għadda, li matulu kien rappurtat li ttieħdu madwar €60,000 fi flus kontanti bil-vittma jkun aggredit b’sikkina minn raġel fil-garaxx tiegħu biex jagħti l-flus.
Il-Pulizija kienet qalet li l-vittma kien marbut minn tliet ħallelin b’wiċċhom mgħammad li ħarġu bil-flus kontanti mill-garaxx tiegħu f’Birkirkara. Fi stqarrija maħruġa dakinhar, il-pulizija kienet qalet li s-serqa seħħet għall-ħabta tas-7am fi Triq Karm Zerafa.
Tliet irġiel bil-barnuża u armati daħlu fil-garaxx, rabtu lir-raġel, ta’ 53 sena, u ħarġu l-barra bil-flus kontanti. Il-vittma kellu bżonn kura għal xokk. Sussegwentement il-pulizija għamlet tfittxija mal-pajjiż kollu għall-ħallelin, li aktar tard instabu u ġew arrestati.
Dan wassal biex l-Erbgħa wara nofsinhar ttellgħu l-qorti ta’ Aaron Cassar, 42 minn Birzebbugia u Joseph Xuereb ta’ 59 mill-Marsa. Cassar għandu diversi kundanni preċedenti li kienu jinvolvu armi illegali u jinsab fuq libertà proviżorja b’rabta ma’ attakk ta’ ħruq fl-2018 fuq persuna oħra li qed tiffaċċja akkużi ta’ qtil b’rabta ma’ każ separat.
L-irġiel ġew akkużati b’serq aggravat bi vjolenza, mezzi u valur, arrest illegali b’intenzjoni ta’ estorsjoni (serq bil-forza), ġarr ta’ arma waqt it-twettiq ta’ reat, immaniġġjar ta’ oġġetti misruqa – f’dan il-każ karozza Suzuki, kif ukoll reċidiviżmu.
L-irġiel ġew akkużati wkoll li kisru diversi kundizzjonijiet mill-Qrati fosthom dawn ta’ pleġġ. L-irġiel wieġbu mhux ħatja u ma talbux il-ħelsien mill-arrest. L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Ritienne Gauci mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Arthur Azzopardi, Ishmael Psaila u Jacob Magri kienu avukati difensuri.
//= $special ?>