Ilbieraħ tkomplew il-kampjonati tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni tal-Boċċi biż-żewġ diviżjoniet jibqgħu jkunu interessanti b’timijiet li jinsabu viċin xulxin u b’partiti missielta għall-aħħar.
Fit-Tieni Divizjoni Birkirkara jibgħu jżommu l-ewwel post tal klassifika wara li għelbu lit-tim ta’ Mosta 21 b’0 biex rebħu it-13-il partita minn 14. Birgu, li qed jokkupaw it-tieni post b’wirja mill-isbaħ għelbu lit-tim ta’ Żejtun 21 b’5 biex kisbu it-12-il rebħa tal-istaġun b’Żejtun jibqgħu jokkupaw it-tielet post b’9 punti. Bormla kisbu rebħa importanti kontra t-tim ta’ Birżebbuġa li kienu fir-raba’ post biex issa il-Bormliżi b’din ir-rebħa laħqu lil-Birżebbuġa fir-raba’ post u żammew it- tamiet tagħhom bħala sfidanti għall-prommozzjoni. Floriana għelbu barra minn darhom lit-tim ta’ Tarxien 21 b’16 f’partita li setgħet marret kull naħa u furjanizi laħqu lill-istess Tarxien b’7 punti kull wieħed. Sta Luċija ġewwa darhom għelbu lit-tim ta’ Santa Venera 21 bi 2 filwaqt li Thassalejn għelbu lit-tim ta’ Cospicua Rangers 21 b’5.

Mill-Kampjonat tat-Tielet Diviżjoni Kalkara u Luqa baqgħu jirbħu biex żammew l-ewwel post tal-klassifika bi 13-il punt kull wieħed. F’partita mill-isbaħ bejn Fgura u Kalkara, li setgħet maret kull naħa, it-tim li qed jokkupa l-ewwel post tal- klassifika Kalkara barra minn darhom ħargu rebbieħa 21 b’20 f’partita li damet ‘il fuq minn sagħtejn u 45 minuta. Luqa għelbu lill-Ħamrun 21 bi 8 biex baqgħu jokkupaw l-ewwel post mat-tim ta’ Kalkara filwaqt li Pietà wettqu sorpriża meta għelbu lit tim tar-raba’ post Qrendi f’partita eċitanti u missielta sal-aħħar bil-punteġġ ta’ 21 bi 19 biex Pietà kisbu t-tieni rebħa tagħhom dan l-istaġun bi skwadra li tinkludi ż-żagħżagħ ta’ taħt is-16-il sena Nathan Tabone u Nicolai Mallia, żewġ plejers promettenti fil-logħba tal-boċċi. Qormi San Ġorg fallew iċ-ċans li jitilgħu fir-raba’ post tal-klassifika meta barra minn darhom sofrew telfa ta’ 21 bi 15 kontra t-tim ta’ San Ġwann b’dawn tal-aħħar jiksbu l-ħames rebħa tal-istaġun. Valletta St. Paul’s għelbu lil Mrsaskala 21 b’0 u ħallewhom ankrati fl-aħħar post tal-klasaifika.
