Bl-inflazzjon dejjem tiżdied, il-familji u l-anzjani qed jaffaċċjaw problemi ikbar sabiex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar… tant li qiegħed dejjem jiżdied in-numru ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar.
Fid-dawl ta’ dawn is-sitwazzjonijiet reali li qed jaffaċċjaw numru kbir ta’ persuni, il-ħidma ta’ Caritas Malta f’dan il-perjodu hija kruċjali ħafna. Id-Direttur ta’ Caritas Anthony Gatt qal dawk il-persuni li qegħdin bi dħul baxx se jħossu din id-daqqa aktar. Ġeneralment in-nies bi dħul baxx jonfqu kważi 50% tal-introjtu tagħhom fuq l-ikel. Allura meta għandek l-ikel li qed jgħola b’din ir-rata huma se jħossu l-effett iktar minn qatt qabel. Bil-Caritas tirrispondi għal dawn ir-realtajiet.
Bħalissa f’pajjiżna hawn is-Segretarju Ġenerali ta’ Caritas International John Aloysius fejn matul iż-żjara tiegħu kellu l-okkażjoni li jara l-ħidma li ssir minn Caritas Malta kif ukoll għamel żjara f’Dar Papa Franġisku u fir-residenza ta’ San Blass.
Huwa qal li hemm persuni li għandhom problema ta’ drogi li jaċċessaw is-servizzi ta’ Caritas, nies li huma homeless li m’għandhomx saqaf fuq rashom li jagħmlu użu minn Dar Papa Franġisku li hija emergency shelter biex nindirizzaw dawn ir-realtajiet soċjali diffiċli.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kurja tal-Arċisqof, John Aloysius qal li kull meta jkun hemm il-bżonn għall-għajnuna u għall-imħabba, Caritas dejjem kienet u se tibqa’ preżenti…. hekk kif fost l-oħrajn, tagħti dinjità lill-foqra u tgħin lil dawk li jaqgħu fil-vizzju tad-droga jintegraw fis-soċjeta.
John Aloysius qal li t-tibdil fil-klima kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna huma l-fatturi ewlewnin li qed iwasslu għal nuqqas ta’ provvista ta’ ikel.
Min-naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-missjoni ta’ Caritas tibqa’ li toffri futur aħjar lil dawk il-persuni li għaddejjin minn problemi. U spjega kif kull meta jagħmel żjara fiċ-ċentri amministrati minn Caritas Malta jesperjenza l-kompassjoni u t-tenerezza.