Lokali

Diżappunt għall-mod kif il-Gvern implimenta d-direttiva tal-Work Life Balance

Implimentazzjoni li tmur kontra l-ispirtu tal-liġi

Il-Malta Women’s Lobby, in-National Parents Society of Persons with Disability, Moviment Graffiti, Positive Birth Malta, The Maltese Daddy u Aditus Foundation…. Din hija l-lista ta’ għaqdiet li kollha wrew diżappunt għall-mod kif il-Gvern implimenta d-direttiva tal-Work Life Balance… direttiva li l-Gvern bażikament implimentaha bl-inqas miżuri possibbli skont kif mitlub milll-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija konġunta bejn dawn l-għaqdiet, intqal li f’kuntest fejn Malta għadha tesperjenza inugwaljanza sinifikanti bejn l-irġiel u n-nisa, fejn il-piż tat-trobbija tat-tfal għadu jitpoġġa b’mod ċar fuq spallejn in-nisa, u fejn ir-rata tat-twelid hija l-aktar baxxa fl-Ewropa, il-Gvern fil-biċċa l-kbira għażel il-minimu fir-rigward tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fid-Direttiva tal-Work Life Balance għall-ġenituri li jaħdmu u għall-carers.

L-organizzazzjonijiet tan-nisa, il-ġenituri li jieħdu ħsieb tfal b’diżabilità, il-gruppi tal-missirijiet u s-soċjetà ċivili b’mod ġenerali ġew esklużi mill-konsultazzjoni qabel daħlet din il-liġi.

Minbarra l-għaxart ijiem leave tal-paternità mħallas għall-missirijiet, li hija implimentazzjoni pożittiva, il-bqija tal-miżuri jmorru kontra l-ispirtu tad-Direttiva u huma aktar probabbli li jżidu d-distakk bejn in-nisa u l-irġiel. B’riżultat ta’ dan, f’għajnejn min iħaddem, l-ommijiet se jkomplu jitqiesu bħala li joħolqu ħafna aktar sfidi, b’kuntrast mal-irġiel, li l-kundizzjonijiet tagħhom se jkomplu jitqiesu bħala n-norma.

L-istqarrija tkompli tgħid li din id-direttiva tiddikjara li x-xahrejn tal-leave tal-ġenituri se jitħallsu fil-livell ‘sick pay level’. L-istqarrija tistaqsi għaliex il-gvern iddeċieda li jħallas bħala ‘sick leave’, meta l-ġenituri ma jkunux morda iżda jkunu qed jieħdu ħsieb lil uliedhom.

F’termini reali, dan jissarraf għal €21.85 kuljum għall-ġenituri. Biż-żieda attwali fl-għoli tal-ħajja, ħadd ma jista’ jaffordja li jieħu dan il-leave u għalhekk l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva se tkun fil-biċċa l-kbira ineffettiva.

L-istqarrija tgħid li mhux realistiku li l-ġenituri jgħixu b’paga ta’ €21.85 kuljum. Kundizzjonijiet bħal dawn mhux biss ma jħeġġux lill-missirijiet milli jieħdu dan il-leave, iżda anke lill-ommijiet ukoll. Il-ġenituri ma jistgħux jaffordjaw li jaċċettaw tnaqqis drastiku bħal dan għad-dħul tagħhom, fi żmien meta l-ispejjeż tal-familja tagħhom huma l-ogħla.

“Jekk il-Gvern verament ried iħeġġeġ aktar ġenituri biex jieħdu l-parents leave biex titnaqqas id-differenza fit-trobbija tat-tfal u jżidu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kellu jagħżel rata realistika tal-paga li tkun viċin tal-qligħ preċedenti tal-ġenituri. Minflok, il-Gvern għażel li joffri rata miżera, indikazzjoni ċara ta’ kif dawk li jfasslu l-politika mhumiex f’kuntatt mar-realtajiet taċ-ċittadini regolari.”

Din il-legal notice tirrestrinġi wkoll lill-ġenituri meta jkun jista’ jittieħed il-leave imħallas. Pereżempju l-ġenituri jistgħu jieħdu xahar biss ta’ leave imħallas fl-ewwel erba’ snin, u jħallu x-xhur li jifdal għal meta t-tfal ikunu akbar fl-età. Dan in-nuqqas ta’ flessibbiltà jindika nuqqas ta’ fehim tal-ħtiġijiet tal-familja f’xenarju fejn jaħdmu ż-żewġ ġenituri.

L-istqarrija tgħid li fir-rigward tal-ħamest ijiem leave għall-carers mhux imħallas, il-Gvern qed jindika li l-awtoritajiet, mhumiex qed jagħtu l-importanza dovuta tiegħu lill-carers peress li mhux qed jattribwixxilha xi paga jew valur.