Lokali

“Għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista reġa’ ngħata raġun” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-kawża kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir

“Il-PN reġa’ ngħata raġun.. b’konferma oħra din id-darba mill-Qorti fejn ħareġ li saret diskriminazzjoni politika ċara kontra l-PN. Dan hekk kif il-Qorti sabet lill-Awtorità tax-xandir u lill-PBS ħatja bi żbilanċ serju u ksur tad-dritt tal-espressjoni tal-Partit Nazzjonalista.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet wara li l-Qorti ordnat lill-Awtorità tax-Xandir u lill-PBS iħallsu għad-danni li sofra l-Partit Nazzjonalista.

Il-PN kien ilu aktar minn sena jitfa’ dawl fuq dan l-iżbilanċ fix-Xandir Pubbliku. Tant li jum wara l-ieħor kien qed isegwi din ix-xejra ta’ “aħbarijiet” u “stejjer” li jsemmu biss lill-Gvern u l-Partit Laburista. Filwaqt illi ftit kien qed jingħata spazju lill-Kap tal-PN Bernard Grech u l-ħidma tal-Oppożizzjoni.

Bernard Grech qal li dak li ħareġ fil-Qorti jkompli jikkonferma l-kontroll assolut ta’ Robert Abela fuq ix-xandir nazzjonali biex jaġevola lilu nnifsu u lill-Gvern Laburista.

Il-Qorti kkonfermat ukoll li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ma ħadmux sew u qed jaġevolaw lill-Gvern.

Il-Kap tal-PN fakkar kif ftit tal-jiem ilu kellna każ ieħor simili fejn il-Kummissjaru tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonferma li kien hemm abbuż sar reklamar mhux korrett minn Ministru tal-Gvern Laburista bl-użu ta’ flus il-Poplu Malti.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Awtorità tax-Xandir tagħmel xgħolha kif suppost u tara li jkun hemm bilanċ li jinżamm il-ħin kollu. B’dak li seħħ kien hemm kompliċità fejn l-Awtorità tax-Xandir qed kienet hi stess li qed tħalli n-nuqqas għaddej u tonqos milli twettaq dmirha.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u l-Kelliem għax-Xandir Nazzjonali Graham Bencini.

Għall-Partit Nazzjonalista deheru l-Avukati Francis Zammit Dimech u Paul Borg Olivier.