Lokali

Il-PN jirbaħ il-kawża kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali laqgħet it-talba tal-Partit Nazzjonalista u ddikjarat li l-Awtorità tax-Xandir naqset milli tassikura li tinżamm imparzjalità dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew li rrefferiet għall-policy pubblika kurrenti billi m’aġġixxitx b’ħeffa meta x-Xandir Nazzjonali, l-PBS għal żmien konsiderevoli naqset li tobdi l-ordni tagħha fil-każ tax-xandira dwar il-flyover.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Grazio Merceica tagħat raġun lill-Partit Nazzjonalista dwar l-iżbilanċ sfaċċat fix-Xandir Pubbliku meta ddikjarat ukoll li bl-aġir tiegħu, il-PBS, kiser l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni u l-Artiklu 13 tal-Kap 350, billi naqas milli jassikura li tiġi miżmuma imparzjalita xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika billi sfida ordni tal-Awtorità dwar il-flyover.

Fid-deċiżjono tagħha l-Qorti qalet ukoll li l-PBS għandu jottempera ruħu fil-ħin mal-ordni tal-Awtorità tax-Xandir tal-14 ta’ Mejju tas-sena l-oħra, u n-nuqqas ta’ azzjoni fil-pront mill-Awtorità li tieħu azzjoni, jikser id-dritt fundamentali tal-Partit Nazzjonalista kif protett bl-Artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea u l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti qalet li mhux biss l-PBS irid ixandar is-sentenza b’mod fidil iżda b’mod u f’ħin prominenti fl-aħbarijiet tat-8 pm. fl-istazzjon televiżiv ta’ TVM mhux iktar tard minn tmint ijiem mid-data ta’ meta din is-sentenza tkun ingħatat. Il-Qorti ordnat ukoll lill-Awtorita` u lill-PBS iħallsu €1,500 kull wieħed bħala danni mhux pekunjarji lill-Partit Nazzjonalista minħabba l-aġir tagħhom.

Waqt il-ħafna pompa mix-xandira fuq il-PBS tal-flyover kien irriżulta wkoll li l-biċċa l-kbira tal-€40,000 li ntefqet minn Infrastructure Malta biex torganizza l-inawgurazzjoni ta’ żewġ flyovers fil-Marsa mill-Prim Ministru f’Settembru tal-2019 li għadda, marru għand kumpanija li torganizza ħafna mill-avvenimenti tal-massa tal-Partit Laburista.

Dawn id-dettalji kienu ngħataw fil-Parlament mill-Ministru tat-Trasport ta’ dak iż-żmien Ian Borg, wara mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li kkonfermaw li Formac Malta Ltd ġiet ikkummissjonata biex tforni apparat għal total ta’ €37,412.

Hija kienet pprovdiet ukoll billboard, bniet pjattaforma improvvisa, u pprovdiet is-sound, dawl, kameras tat-TV u tagħmir relatat għat-tnedija. Il-kumpanija tal-bini tal-palk intalbet ukoll tipprovdi servizzi ta’ traduzzjoni, hekk kif fost il-mistednin kien hemm is-sidien Torok tal-kumpanija li ngħataw il-kuntratt ta’ €50 miljun biex jinbnew il-flyovers.

Is-sentenza mogħtija tfisser li, l-PN rebaħ il-kawża kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir, bil-Qorti tgħid li nkisru diversi drittijiet fil-konfront tal-istess PN. Il-PN kien ilu aktar minn sena jitfa’ dawl fuq dan l-iżbilanċ fix-Xandir Pubbliku. Tant li jum wara l-ieħor kien qed isegwi din ix-xejra ta’ “aħbarijiet” u “stejjer” li jsemmu biss lill-Gvern u l-Partit Laburista. Filwaqt illi ftit kien qed jingħata spazju lill-Kap tal-PN Bernard Grech u l-ħidma tal-Oppożizzjoni.

Għal PN deheru l-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, għall-PBS deher l-Avukat Mark Vassallo, għall-Awtorità tax-Xandir deher il-Professur Ian Refalo u għall-eks Ministru Carmelo Abela li dak iż-żmien kellu l-kontroll tax-xandir nazzjonali deher l-Avukat Chris Cilia.