Lokali

Jinstab katavru ta’ raġel f’Birżebbuġa

Fl-aħħar ħin sorsi ta’ min jorbot fuqhom żvelaw ma’ Net News li għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija nstab katavru ta’ raġel fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni fiż-żona ta’ Għar Dalam, f’Birżebbuġa biswit sala tat-tiġijiet.

Filwaqt li fil-post hemm diversi uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll tim forensiku, s’issa għadu mhux stabbilit l-identità tal-vittma.

Madanakollu sorsi mid-Depot tal-Pulizija li tkellmu ma’ Net News saħqu li mhux jeskludu li dan jista’ jkun il-ġisem bla ħajja ta’ Carmelo ‘Charlie’ Fino, l-anzjan ta’ 83 sena li ilu għal aktar minn ħmistax-il jum imfittex wara li ħareġ mir-Residenza San Vinċenz de Paule fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu…u għeb.

Ta’ min jiġi mfakkar li fl-aħħar ġimgħat kien irrapportat nieqes ukoll Salvu Bonnici ta’ 70 sena, li l-aħħar li ntlemaħ kien fil-Gudja.

Kull min għandu xi informazzjoni dwar dawn iż-żewġ persuni għandu jinforma lill-Pulizija minnufih.

Intant, l-awtopsja fuq il-katavru misjub fl-aħħar sigħat għandha tiddetermina l-identità tal-persuna.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.