Lokali Unjoni Ewropea

L-avukati ta’ Muscat jgħidu li mhux biss m’hu qed igawdi l-ebda impunità, iżda kien “suġġett għal tfittxija tal-Pulizija kmieni filgħodu”

Jirreaġixxi għal dak li qal il-Kumitat LIBE tal-UE

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħassu urtati bir-Rapport tal-Missjoni taż-żjara f’Malta illi kienet saret mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew (LIBE). Dan wara li dan il-Kumitat tal-UE esprima “tħassib dwar l-impunità mogħtija lill-figuri ewlenin fl-amministrazzjoni ta’ Muscat, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri, u l-eks ministru tal-kabinett Konrad Mizzi, li għadhom mhux imħarrka fuq provi serji u sostanzjati ta’ korruzzjoni, inkluż permezz ta’ rapporti tal-NAO u tal-FIAU u provi ppubblikati minn Daphne Caruana Galizia.”

Quddiem din il-konklużjoni, Joseph Muscat – permezz tal-avukati tiegħu – stqarr illi mhux biss m’hu qed igawdi mill-ebda impunità iżda kien “suġġett għal tfittxija tal-Pulizija kmieni filgħodu”.

L-ittra tal-avukati tiegħu ġiet pubblikata fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Joseph Muscat innifsu.

L-avukati qalu wkoll li “sa fejn nafu aħna ma hemm l-ebda rapport tal-FIAU li jsemmi lil Joseph Muscat jew jippunta lejh bil-mod kif issemma”.

Fil-messaġġ tiegħu fuq Facebook, Muscat żamm lura ferm milli jiddefendi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.