Lokali Qorti

Minn 26 in-numru tal-vittmi ffrodati fuq skemi qarrieqa dwar xiri ta’ djar jitilgħu għal 50

Mara ta’ 41 sena li tinsab akkużata li ffrodat b’madwar €300,000 u li meta tressqet il-Qorti ħareġ li n-numru tal-allegati vittmi kienu bejn 26 u 30 persuna, dawn issa telgħu għal 50 minħabba li aktar persuni ressqu r-rapport tagħhom lill-Pulizija.

L-allegat frodi minn Sarah Ann Gatt, residenti San Venera u li taħdem bħala fattiga huwa fuq investiment fi skema ta’ akkomodazzjoni li rriżultat bħala “scam”. Il-mara qed twieġeb mhux ħatja ta’ frodi, misapproprjazzjoni, falsifikazzjoni ta’ dokument pubbliku kif ukoll kitba privata, li għamlet użu minn dokumenti foloz u akkużi oħra relatati mal-frodi.

Il-mara qed tiġi mixlija wkoll li wettqet dawn ir-reati waqt li kienet taħt sentenza sospiża u li saret rċediva. Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima il-Prosekuzzjoni qalet li għall-bidu kien maħsub li l-ammont ta’ vittmi kien ta’ bejn 26 u 30 li bejniethom ingidmu mat-€300,000. 

Il-lista sa issa telgħet għal 50. Dan għall-fatt li fl-aħħar ġimgħat kien bosta li ressqu ’l quddiem isostnu li ġew iffrodati bl-istess mod. Wieħed mill-vittmi persuni li allegatament ingidmu qal fil-Qorti li huwa ħaseb li kien se jibbenfika minn skema dwar xiri ta’ djar tal-gvern bi prezz baxx ħafna, u spiċċa biex ħareġ mill-but madwar €20,000 fi ftit ġimgħat u li tahom lil mara li allegatament kienet qed tmexxi din l-iskema.

Ir-raġel kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Gatt,  li taħdem għal rasha u minn mindu tressqet f’Mejju li għadda għadha miżmuma taħt arrestat fil-ħabs ta’ Kordin. Wieħed mill-vittmi qal li sar jaf bl-akkużata minn ħabib tiegħu li qallu li l- qed tbigħ xi proprjetà bi prezz ħafna baxx.

Huwa ltaqa’ magħha u meta staqsiha dwar il-prezzijiet baxxi li kienet qed tbigħ il-proprjetà, qaltlu li din l-iskema kienet tinvolvi proprjetajiet maqbuda mill-awtoritajiet wara li x-xerrejja prospettivi jonqsu milli jħallsu. Qaltlu li kien għalhekk li dawk il-proprjetajiet kienu qed jinbiegħu bi prezzijiet baxxi.  

Ix-xhud qal li l-qorti li bejn Lulju u Diċembru tal-2021, huwa ta lil Gatt €19,950. Qal li għall-bidu lanqas biss ta’ każ iżda wara beda jxomm li seta’ kien hemm xi ħaġa mhux f’postha. Madankollu qal li wara li d-data skedata għat-trasferiment tad-dar ġiet posposta bi tliet xhur u wara reġgħet ipposponietu bi tliet xhur oħra, beda jintebaħ li seta’ kien hemm xi ħaġa tintenn. 

Huwa qal ukoll fil-Qorti li Gatt kienet tinsisti li l-ħlas isir bi flus kontanti għax skont hi dan kien jgħin biex jitħaffef sew il-proċess mal-Awtorità tad-Djar. Apparti minn hekk hija ma kienet toħroġ ebda riċevuta għall-flus li kienu jingħatawlha.

Mistoqsi mill-avukat difensur jekk qattx stħarreġ l-affarijiet mal-Awtorità tad-Djar, huwa qal li le.   Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur tal-Pulizija Shaun Friggieri u Ritianne Gauci bl-assistenza tal-Avukat Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Charles Mercieca qed jidher għall-vittmi.