Internazzjonali

Rishi Sunak fuq quddiem wara t-tieni round ta’ votazzjoni

Fir-Renju Unit, l-attenzjoni tul il-jum kienet fuq it-tieni round ta’ votazzjoni fost id-deputati tal-Partit Konservattiv Ingliż, hekk kif it-Tories qed jagħżlu s-suċċessur ta’ Boris Johnson – li se jwarrab minn Downing Street f’Settembru li ġej.

Il-votazzjoni, li saret f’waħda mill-kmamar tal-Kumitati Parlamentari f’Westminster, fethet ftit wara 12pm u r-riżultat ħareġ fl-4.

Id-deputati li fadal fit-tellieqa huma Kemi Badenoch, Penny Mordaunt, Rishi Sunak, Liz Truss u Tom Tugendhat. Dan wara li Suella Braverman ġiet eliminata.

Fil-votazzjoni tal-Ħamis, Rishi Sunak kien l-aktar deputat li kiseb appoġġ.

Dan il-proċess tat-Tories se jibqa’ għaddej sakemm l-aħħar kandidati jinżlu għal tnejn – bil-160,000 membru tal-Partit Konservattiv jivvutaw f’elezzjoni oħra fil-bidu ta’ Settembru.

Intant, skont l-opnjoni pubblika, l-aktar waħda favorita man-nies tibqa’ Penny Mordaunt – il-Ministru tal-Kummerċ, illi għandha 49 sena.

Mordaunt ilha membru Parlamentari għal dawn l-aħħar 12-il sena, u fl-aħħar jumejn imbuttat kampanja b’saħħitha ħafna fost l-għeruq tal-partit tagħha. Għalkemm fl-aħħar sigħat hi affaċjat kritika qawwija, speċjament minħabba l-pożizzjoni tagħha viz-a-vis il-persuni transgender.