Edukazzjoni Lokali

Tħassib dwar il-mod li bih tnaqqas il-livell edukattiv li hemm bżonn biex tidħol fil-Junior College

Il-Junior College (Ritratt: Martin Agius)

Numru ta’ letturi involuti fit-tagħlim tal-Malti, tal-Ingliż u tal-Matematika fil-livell terzjarju, esprimew it-tħassib tagħhom għall-iżvilupp reċenti li bih, mis-sena skolastika li tibda f’Ottubru li ġej, l-istudenti jkunu jistgħu jibdew il-kors fil-Junior College anki jekk ikunu għaddew biss minn wieħed minn dawn is-suġġetti fil-livell ordinarju: il-Malti jew l-Ingliż jew il-Matematika.

Il-letturi fakkru li għarfien bażiku taż-żewġ lingwi uffiċjali u ħila bażika fil-Matematika huma essenzjali biex l-istudenti jkunu jistgħu jsegwu b’suċċess l-istudju postsekondarju u terzjarju. “Għall-ġid tal-istudenti nfushom, nemmnu li l-bidliet li jsiru m’għandhomx idgħajfu l-importanza ta’ dawn il-ħiliet.” 

“Filwaqt li nagħrfu l-ħtieġa li l-Junior College u l-Università jagħtu l-għajnuna kollha lill-istudenti li jkollhom diffikultajiet fit-tagħlim tal-lingwi, tal-Matematika, u ta’ kull suġġett ieħor, biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa, aħna nemmnu li deċiżjoni importanti bħal din, li se jkollha effetti serji fuq l-għarfien tal-lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna u tal-Matematika u b’konsegwenza fuq oqsma oħrajn ta’ għarfien, għandha tittieħed wara konsultazzjoni wiesgħa mal-esperti ta’ dawn l-oqsma.”