Terz tal-popolazzjoni ħadet tal-anqas benefiċċju soċjali wieħed fl-2020, u l-maġġoranza ta’ dawn kienu nisa.
Rapport maħruġ mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika jindika li sentejn ilu, 170,259 persuna ħadu mill-inqas benefiċċju wieħed mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, b’55.8% minn dawn huma nisa.
L-NSO jaqsam lil Malta f’sitt distretti – dak tan-naħa ta’ isfel tal-Port il-Kbir, dak tan-naħa ta’ fuq tal-port, id-distrett tax-xlokk, dak tal-Punent, dak tat-tramuntana u s-sitt distrett magħmul minn Għawdex u Kemmuna.
L-aktar li bbenefikaw kienu persuni minn naħa t’isfel tal-port
Fl-2020, l-akbar numru ta’ persuni li rċevew benefiċċji kienu minn naħa t’isfel tal-Port fejn 405 persuni minn kull 1,000 li joqgħodu f’dan id-distrett ħadu xi forma ta’ pensjoni. Id-distrett bl-inqas numru ta’ persuni li ħadu benefiċċji kien dak tat-tramuntana, b’277 persuna minn kull 1,000 jibbenefikaw minn xi tip ta’ kontribuzzjoni.
Ras għal ras, il-Furjana kienet il-lokalità bl-aktar residenti li ħadu benefiċċji – kważi nofs il-Furjaniżi jew 488 minn kull 1,000 ħadu xi benefiċċju soċjali.
Ir-residenti tas-Swieqi kienu l-inqas li bbenefikaw. Minn din il-lokalità, minn kull 1,000 resident kienu 164 li ħadu xi tip ta’ benefiċċju.
Fl-2020, l-akbar nefqa mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali marret f’benefiċċji tal-anzjani. Dik is-sena, l-anzjani li ħadu pagamenti soċjali kienu 71,386.
Anke hawn, il-lokalità bl-inqas numru ta’ residenti li bbenefikaw kienet is-Swieqi.
Ir-residenti tax-Xgħajra kienu l-aktar li ħadu benefiċċji tal-familja. Minn din il-lokalità bbenefikaw minn dat-tip ta’ kontribuzzjoni 15% tar-residenti.
Is-Slimiżi kienu l-inqas li bbenefikaw minn kontribuzzjoni tal-familja, bi 3.6% tar-residenti ta’ din iz-zona jirċievu dit-tip ta’ għajnuna.
Għal dawk li huma benefiċċji tal-mard, il-Bormliżi kienu l-aktar li rċevew għajnuna. Filfatt kienu kważi 16% tar-residenti li ħadu xi forma ta’ għajnuna għal kundizzjonijiet mediċi. Fis-Swieqi kienu biss 1.5% li rċevew kontribuzzjonijiet simili.
Il-Bormliżi kienu wkoll l-akbar porzjon tal-poplazzjoni li bbenefikaw minn għajnuna għall-esklużjoni soċjali. Fis-sena 2020, il-persuni li rċevew xi tip ta’ għajnuna soċjali ħadu medja ta’ €6,032 kull wieħed.
//= $special ?>