Madwar sena ilu l-Partit Nazzjonalista beda jsegwi b’reqqa dak li kien qed iseħħ fl-aħbarijiet tal-PBS hekk kif ta’ kuljum kien ikun hemm rappurtaġġ sostanzjali li jsemmi lill-Gvern u lill-Partit Laburista bi ftit li xejn jingħata spazju lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kif ukoll lill-ħidma tal-Oppożizzjoni.
Dwar dan tkellimna mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalsita David Agius li milli bidu nett segwa dak li kien qed iseħħ fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-PBS.
“L-iżbilanċ fix-xandir il-PN ħassu tant li beda jagħmel analiżi kuljum ta’ dak li qed jiġri fil-PBS u nippubblikawh. Għamilna ġimgħat u xhur nuru lill-poplu Malti l-iżbilanċ li hemm fix-xandir li suppost huwa mħallas minna lkoll u allura suppost ikun bilanċjat għall-poplu Malti u Għawdxi, biex il-poplu jisma’ l-verżjonijiet ta’ kull min hu fil-politika.”
Filfatt f’Ottubru tas-sena l-oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech talab li ssir laqgħa maċ-chairperson tal-Awtorità tax-Xandir fejn matulha kien preżenta l-fatti dwar l-iżbilanċ sfaċċat li jispikka fil-PBS jum wara l-ieħor.
David Agius qal li b’dak kollu li kien qed iseħħ fix-Xandir Nazzjonali, deher biċ-ċar li l-PBS spiċċa noticeboard ta’ Robert Abela u tal-Gvern… bi żbilanċ sfaċċat fil-konfront tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“Id-deċiżjoni tal-Qorti hija li kien hemm żbilanċ ċar kontra l-Partit Nazzjonalsita u allura meta aħna bdejna nanalizzaw l-aħbarijet tat-tmienja… rajna kemm kien hemm Ministri li tkellmu u Shadow Ministers tal-PN xejn, ara kemm tkellem il-PM Robert Abela, u l-Kap tal-Oppożizzjoni xejn jew ftit. U allura ħareġ biċ-ċar li kien hemm żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista.”
Il-Viċi Kap tal-PN enfasizza l-fatt li f’pajjiż demokratiku, huwa dritt ta’ kulħadd li x-Xandir tal-Istat iwassal l-aħbar kif suppost mingħajr ebda żbilanċ.
“Illum għandna l-Qorti ta’ pajjiżna tiddikjara dan l-iżbilanċ, tiddikjara wkoll li nkisru d-drittijiet fundamentali tal-PN li fuq kollox huwa xandir li huwa tal-poplu Malti u Għawdxi. U allura l-PN irid jirriafferma għal darb’oħra li għandna bżonn ikollna stazzjon, il-PBS, li jkun stazzjon nazzjonali li jelimina għal kollox l-iżbilanċ f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika f’pajjiżna.”
Il-Ħamis il-Qorti sabet lill-Awtorità tax-Xandir u lill-PBS ħatja ta’ żbilanċ serju u ksur tad-dritt tal-espressjoni tal-Partit Nazzjonalista. Bil-Qorti tordna lill-Awtorità tax-Xandir u lill-PBS iħallsu għad-danni.