Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Zelensky isejjaħ biex il-komunità internazzjonali tikkundanna lir-Russja bħala Stat terroristiku fost aktar qtil ta’ ċivili

Ir-Russja kompliet bl-offensivi speċifiċi fuq iz-zoni taċ-ċivili fl-ibliet tal-Ukrajna – b’sottomarin tal-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, jispara missila lejn il-belt ta’ Vinnytsia, bir-riżultat li mietu ‘il fuq minn 30, b’għexieren jisfaw midruba.

Il-belt ta’ Vinnytsia, fejn qed jgħixu madwar 370,000 u li tinsab lejn il-lbiċ ta’ Kiev, hi anki ‘il bogħod sew mill-fronti tal-battalji attwali lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Madankollu, jidher li l-qawwiet tar-Russja qed iferrxu l-offensiva bl-aktar mod indiskriminattiv anki lejn l-ibliet Ukreni li mhumiex zoni għall-ġlied dirett mal-Armata Ukrena.

U r-rapporti komplew jindikaw li l-aħħar qtil ta’ ċivili – inklużi t-tfal — f’Vinnytsia, seħħ mill-missili cruise tat-tip Kalibr li kienu sparati ‘ bi ħsieb’ minn sottomarin Russu fil-Baħar l-Iswed.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, appella biex id-dinja tikkundanna bla riservi lir-Russja bħala ‘Stat terroristiku’ wara ġimgħat ta’ qtil konsistenti ta’ ċivili mill-magna tal-gwerra tal-President Russu Vladimir Putin.

Meta indirizza konferenza internazzjonali intiża għall-prosekuzzjoni ta’ reati tal-gwerra fl-Ukrajna ( u li kienet qed issir fl-Olanda), Zelensky qal li ‘l-attakk ( fuq Vinnytsia) kien parti mill-politika brutali ta’ Moska li qed tkun riflessa fl-offensiva fuq l-ibliet paċifiċi ( tal-Ukrajna)’.

Fl-istess ħin, Zelensky enfasizza li ‘l-ebda Stat ieħor fid-dinja ma jimponi theddida terroristika akbar minn tar-Russja’. Hu sostna li ħadd ma għandu jkollu dubji dwar il-ħtieġa biex, mill-aktar fis, jitwaqqaf Tribunal Speċjali li jitratta l-aggressjoni ta’ Moska fil-konfront tal-Ukreni.

Dan waqt li Zelensky fakkar li ‘ir-Russja wriet l-aġir tipiku tagħha fil-konfront tal-Ewropa, il-liġi internazzjonali u l-kumplament tad-dinja ċivilizzata’.

Il-missili li laqtu l-inħawi ta’ Vinnytsia qerdu blokk ta’ uffiċini u diversi bini għar-residenti – b’missili oħrajn jolqtu sit għall-parkeġġ u zoni oħra tal-belt.

Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja kompla jiċħad li l-qawwiet tiegħu qegħdin jikkonċentraw l-isparar fuq iċ-ċivili Ukreni minkejja li l-provi ilhom juru mod ieħor minn kważi l-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna mis-suldati ta’ Putin,  fl-24 ta’ Frar li għadda.

Il-Ministri tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin ma tilfux iż-żmien biex jikkundannaw l-attakk fuq iċ-ċivili f’Vinnytsia anki waqt li kienu qed jiltaqgħu fThe Hague għall-konferenza dwar l-allegati reati tal-gwerra min-naħa tar-Russja.

L-Unjoni Ewropea, fi stqarrija, fissret l-isparar tal-missili lejn iċ-ċivili ta’ Vinnytsia bħala atroċità, filwaqt li sostniet li ċ-ċivili għadhom qed iħallsu prezz qawwi waqt il-gwerra u f’sitwazzjoni li fil-parti kbira hi dovuta għan-nuqqas ta’ rispett fundamentali tar-Russja fir-rigward tal-liġijiet umanitarji internazzjonali.