L-effetti tal-pandemija se jibqgħu jidhru fit-tul hekk kif ħafna qalu li qed jaraw aktar effetti tax-xjuħija. Il-Ġimgħa filgħodu f’intervista m’Anadela Serra Visconti li hija esperta Taljana tas-sbuħija li ta spiss tkun mistiedna fuq l-istazzjonijiet televiħivi ewlenin tal-Italja sirna nafu aktar dwar dan.
Anadela Serra Visconti temmen li minn wara l-pandemija l’hawn bdejna ħajja oħra fejn kulħadd jixtieq jippreżerva d-dehra tiegħu. Ħafna nies jiddeċiedu li jagħmlu dawn l-interventi sabiex iħossuhom aħjar. Iżda hi saħqet li filwaqt li l-maskri li lbisna waqt ix-xhur tal-pandemija pproteġewna minn ħafna affarijiet, minbarra mill-pandemija stess, dawn ħallewlna wkoll xi tikmixa żejda madwar l-għajnejn.
Visconti qalet li l-maskri protettivi frankawlna mhux biss il-mard imma anke l-effetti tax-xemx, il-kesħa u r-riħ, iżda jaf ħallewlna ftit aktar tikmix madwar l-għajnejn.
Intant fl-aħħar snin, f’pajjiżna żdied in-numru ta’ persuni li għażlu li jagħmlu diversi interventi estetiċi fosthom kirurġija tas-sbuħija, u interventi biex jitneħħa piż żejjed. Iżda dan jidher li mhuwiex fenomenu li qed jeffettwa biss lill-Maltin u lanqas ma hu xi ħaġa ta’ dawn l-aħħar snin biss.
Serra Visconti qalet li n-nies illum il-ġurnata qegħdin jgħixu aktar fit-tul fejn qabel mara ta’ 40 sena kienet ikkunsidrata bħalha kbira fl-eta’, fis-soċjeta’ tal-lum dan m’għadux il-każ. U jekk sa ftit tas-snin ilu, id-dinja tal-estetika kienet iffukata fil-biċċa l-kbira tagħha fuq il-mara, illum dan m’għadux il-każ, hekk kif aktar u aktar irġiel qed ifittxu trattamenti u interventi biex jidhru dejjem aħjar.
Il-messaġġ finali tagħha kien wieħed sempliċi iżda b’tifsira profonda fejn hi temmen li s-sbuħija tinbet l-ewwel u qabel kollox fil-moħħ.
//= $special ?>