Kunsilli Lokali Lokali

Ippubblikat studju dettaljat dwar il-lokalità tal-Iklin

L-identità ta’ komunità hija l-għeruq ta’ ambjent urban li jirnexxi u jimxi ’l quddiem. Dan hekk kif il-lokalità fejn ngħixu għandha toħloq ambjent li permezz tiegħu r-residenti jħossuhom parti mill-istess komunità

Kien f’dan l-isfond li l-Kunsill Lokali tal-Iklin f’kollaborazzjoni mal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fi ħdan l-Universita ta’ Malta għamel studju xjentitiku dwar numru ta’ fatturi li matul iż-żmien affettwaw u saħanistra anke bidlu lil din il-lokalita.

L-għan ta’ dan l-istudju kien sabiex dawk li jmexxu lil din il-lokalita jkunu jistgħu jifhmu iktar il-problemi u t-tħassib tar-residenti sabiex finalment l-Iklin tkun lokalità aħjar.

Matul is-snin seħħew numru ta’ avvenimenti li wasslu għal bidliet li ġabu magħhom numru ta’ sfidi biex tkun preservata l-identita tal-lokalita. Fosthom l-ammont ta’ permessi ta’ kostruzzjoni li ħarġu…u li wasslu biex kważi jispiċċaw id-djar b’identità Maltija.

Bosta residenti saħqu li fil-lokalità mhemmx biżżejjed postijiet sabiex il-familji jqattgħu ftit tal-ħin liberu flimkien bl-uniku playground li hemm fil-pjazza mhux jilħaq l-aspettattivi mistennija.

Waħda mill-iktar affarijiet pożittivi ta’ dan il-lokalità hija li tinsab fiċ-ċentru ta’ Malta… ħaġa iżda li qed twassal ukoll biex ta’ kuljum jgħaddu numru kbir ta’ vetturi minnha.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu wara li sar dan l-isħarriġ hemm il-bżonn li jsir pjan fit-tul għall-komunità sabiex jitħarsu l-benesseri ta’ kulħadd fi proċess li jkun jinvolvi lir-residenti kollha.

Ikun hemm kunċett ta’ prattiċi kulturali ġodda bħal pereżempju iktar ġonna pubbliċi sabiex l-Iklin isir ‘green town’.

Isir iktar pjanar urban sabiex jiġu żviluppati iktar spazji pubbliċi fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Appart dan jitqajjem interess kulturali sabiex il-kultura ta’ din il-lokalità tibqa’ waħda ħajja.

Rakkomandazzjoni oħra hija li għandu jkun hemm mezzi differenti ta’ trasport madwar il-lokalità fosthom servizz ta’ shuttle bus u l-introduzzjoni ta’ kultura tal-użu tar-rota sabiex l-Iklin tkun lokalita iktar nadifa.