Lokali

“Irridu nagħtu l-kundizzjonijiet li jixirqilhom lill-Pulizija tagħna” – Joe Giglio

Il-membri tal-korp tal-Pulizija qed jiffaċċjaw ħafna sfidi, mhux biss b’rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, iżda anke fir-rigward tal-ambjent li qed jaħdmu fih.

Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio, fil-ġimgħa li fiha ġie ċċelebrat Jum il-Pulizija, kompla jitfa’ dawl fuq il-problemi li qed ixekklu l-ħidma tal-Pulizija. Huwa qal li huma ħafna l-uffiċjali tal-Pulizija li qed jitilfu l-motivazzjoni għax-xogħol minħabba li l-pressjonijiet dejjem qegħdin jikbru, il-kundizzjonijiet xejn xierqa u l-ambjent li qed jaħdmu fih fosthom għases li huma mitluqa u mhux denji taż-żminijet tal-lum.

Iż-żewġ unions li jirrappreżentaw lill-uffiċjali tal-Pulizija fl-aħħar ġimgħat ukoll daqqew l-allarm dwar is-sitwazzjoni prekarja li jinsab fih il-Korp. L-MPU qalet li s-sitwazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qatt ma kienet daqshekk iddisprata hekk kif jidher li l-istrateġija tal-Gvern mhi qed twassal għal imkien. Il-POU minn naħa tagħha lmentat dwar il-pressjoni kbira ta’ xogħol li qed ikollhom il-membri tagħha u qalet li bħalissa m’hemmx numri biżżejjed ta’ uffiċjali sabiex jintlaħqu l-impenji tax-xogħol li hemm.

Fl-aħħar 18-il xahar telqu mill-Korp ‘il fuq minn 300 uffiċjal. Joe Giglio stqarr li l-fatt li qegħdin jitilqu daqshekk uffiċjali qed toħloq konsegwenzi kbar kemm għall-pajjiżna kif ukoll għall-korp tal-Pulizija. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti sabiex il-membri tal-Korp jingħataw il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jixirqilhom. Kompla jgħid li se jibqa’ jaħdem sakemm ikun hemm korp li lkoll kburin bih.