Internazzjonali

Italja: Kriżi ta’ tmexxija wara l-kroll tal-koalizzjoni…Futur imċajpar għal Draghi

Il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi offra r-riżenja tiegħu wara li l-partit populista Cinque Stelle – sieħeb fil-koalizzjoni li qed tmexxi l-Italja – irtira l-appoġġ għal Draghi waqt vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru. Madankollu, il-President Taljan, Sergio Mattarella, irrifjuta li jaċċetta r-riżenja ta’ Draghi, bl-effett tal-intervent mill-President jibqa’ mhux ċar f’dawn is-sigħat.

Madankollu, mistenni li Mario Draghi, nhar l-Erbgħa, jippreżenta ruħu quddiem il-Parlament ta’ Ruma u meta mhux eskluż li hu ikun jista’ ikompli jmexxi lill-Italja f’każ li jingħata l-appoġġ meħtieġ mid-deputati.

Mario Draghi, eks Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew, kien ilu jmexxi l-Gvern ta’ koalizzjoni minn Frar tal-2021 u, waqt stqarrija, qal li ‘issa spiċċa l-patt ta’ fiduċja li kien jifforma l-bażi ta’ dik l-amministrazzjoni’.

Kien il-President Mattarella li ħatar lil Draghi biex imexxi l-programmi intiżi biex l-Italja tirkupra, ekonomikament, mill-impatt tal-pandemija. U issa, Mattarella qed jinsisti biex Draghi, ‘il quddiem, jindirizza lill-Parlament u jipprovdi lid-deputati bi stampa ċara tas-sitwazzjoni politika f’pajjiżu.

L-iżviluppi straordinarji f’Ruma kienu l-qofol ta’ sigħat drammatiċi meta l-Kap ta’ Cinque Stelle u eks Prim Ministru Giuseppe Conte irrifjuta li jappoġġja l-pakkett ta’ għajnuna ekonomika (ekwivalenti għal 23 biljun ewro) lill-familji u n-negozji. Conte spjega li d-deċiżjoni bbażat ‘fuq il-fatt’ li Draghi mhux jagħmel biżżejjed biex jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Minkejja li l-Gvern rebaħ il-vot tal-Ħamis fis-Senat (bl-għajnuna ta’ partiti oħra) Draghi wissa kemm-il darba li l-koalizzjoni ma setgħetx tkompli tiffunzjona mingħajr l-appoġġ ta’ Cinque Stelle.

Draghi sostna li s-sitwazzjoni fl-Italja, illum, saret ferm sinifikanti minn lat politiku għaliex mgħadhiex teżisti l-maġġoranza li, għal xhur sħaħ, irriflettiet l-għaqda nazzjonali minbarra li serviet ta’ appoġġ kontinwu għall-koalizzjoni. U wara li indirizza lill-Ministri, Draghi mar fil-Palazz ta’ Quirinale biex jippreżenta r-riżenja lill-President — li min-naħa tiegħu ħalla l-bieb miftuħ għar-ritorn tal-Prim Minsitru fit-tmun tal-pajjiż.

L-elezzjonijiet ġenerali fl-Italja huma programmati għall-ewwel parti tas-sena d-dieħla u f’każ li l-Gvern jikkrolla b’mod uffiċjali, hemm kull possibbiltà li l-poplu Taljan joħroġ jivvota fil-ħarifa. Numru ta’ partiti tal-lemin huma ħerqanin għal elezzjonijiet bikrija iżda perjodu ta’ inċertezza politika għandu jtellef sew l-isforzi tal-Italja biex tikkonfronta kriżi tal-enerġija li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla.

Impenn importanti ieħor hu li l-Gvern Taljan jgħaddi l-baġit tas-sena d-dieħla biex l-Italja taċċerta mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.