Il-katavru tar-raġel illi instab ilbieraħ f’Birżebbuġa kien eżatt taħt siġra tal-bajtar. U ħdejh instabu wkoll fdalijiet ta’ ħmieġ uman – indikazzjoni li r-raġel kien ilu diversi jiem jgħix f’din iz-zona.
Hekk indikaw diversi sorsi qrib l-investigaturi, u li spjegaw ma’ Net News kif issa se tkun l-awtopsja li tiddetermina l-identità eżatta tar-raġel.
Il-katavru instab fis-6:30pm, u kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.
Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, tad-Distrett flimkien mal-uffiċjali tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Korp tal-Pulizija, għadhom għaddejjin.
Il-Pulizija kkonfermaw illi l-awtopsja fuq il-katavru mistennija titfa aktar dawl fuq il-każ, kif ukoll testijiet tad-DNA li se jgħinu biex tkun ikkonfermata l-identità tar-raġel.