Ewropa Temp

Emerġenza Nazzjonali fir-Renju Unit hekk kif tintensifika l-mewġa ta’ sħana fl-Ewropa

L-Ewropa qegħda litteralment taqbad. Is-sħana kbira li qed taħkem il-kontinent qed twassal għal numru kbir ta’ nirien f’zoni afforestati.

Ir-reġjun ta’ Bordeaux fi Franza rreġistra numru kbir ta’ nirien bil-ħaddiema tal-emerġenza ilhom tlett ijiem jiġġieldu l-ilsna twal tan-nirien u qajla qed jlaħħqu mal-firxa tal-fjammi.

Kawża tas-sitwazzjoni fix-xlokk ta’ Franza, mas-6,000 persuna ġew evakwati mir-residenzi u l-campers li kien hemm fl-akkwati.

Eluf ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar jinsabu mpenjati anke fi Spanja u l-Portugall, bis-sitwazzjoni tkun simili għal dik ta’ Franza.

L-uffiċju meterjoloġiku dinji qed iwissi li l-mewġa ta’ sħana li qed taħkem il-kontinent se tkompli tinfirex u tintensifika fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa.

Ir-Renju Unit iddikkjara l-ewwel emerġenza Nazzjonali kawża tas-sħana estrema hekk kif it-termometru mistenni jaqra sa 40 grad celsius fil-jiem li ġejjin.

Londra, Manchester u York huma fost l-ibliet li mistennija jintlaqtu mis-sħana qawwija li xejn ma hi sinonima mas-sjuf Ingliżi.

It-temp anomalu fl-Ingilterra qed jeffettwa l-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta, bl-iskejjel se jkunu sfurzati jagħlqu kmieni, il-ferroviji se jkollhom restrizzjonijiet ta’ veloċità, u t-toroq se jinksew b’ramel apposta biex inaqqas ir-riskju li jinħall it-tarmak.

U f’Hammersmith xena mhux tas-soltu hekk kif pont li għandu 135 sena ġie mgeżwer kollu fil-foil biex jilqagħlu mit-temperaturi għoljin.

F’Awwissu tal-2020, il-pont kien ingħalaq kompletament minħabba s-sħana. Issa, inġinjiera għażlu li jgħattuh. Madankollu qed jgħidu li l-pont ta’ era Vittorjana jkollu jerġa’ jingħalaq jekk it-temperaturi tal-ktajjen tiegħu jilħqu t-18-il grad celsius.

Intant, f’pajjiżna it-temperaturi għall-ġimgħa li ġejja mistennija jibqgħu fil-medja ta’ 32 grad celsius, biex mit-Tnejn ta’ wara mbagħad, il-merkurju għandu jilħaq il-35 grad u jibqa’ f’dawk il-livelli sal-Ħamis