“Huwa fatt li l-ħajja hija inġusta, u li f’ħafna każi mhemmx x’tagħmel dwar dan, imma fejn nista’ nagħmel xi ħaġa biex nevita l-inġustizzja jew li nipprova nsewwiha, jien se nagħmilha”.
Din is-silta, kitba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, ġiet kwotata waqt il-velja fis-57 xahar mill-qtil makabru tagħha.
Matthew Grech, fid-diskors tiegħu waqt din il-velja, silet kliem Caruana Galizia filwaqt li qal li issa li l-ġurnalista m’għadhiex magħna, għandhom ikunu dawk li għadhom jemmnu fil-valuri tad-demokrazija, il-libertà u l-integrità li jkomplu din il-ġlieda.
Grech tkellem dwar il-ħtieġa li nkunu kapaċi naċċettaw il-kritika u l-iskrutinju mingħand xulxin minflok sempliċiment nittimbraw u ngħajru lil xulxin u nsoddu widnejna.
Minn naħa tiegħu, Julian Delia, ġurnalist, qal li lil Daphne Caruana Galizia stajt tiċħadha u stajt tipprova tiskreditaha, iżda ħadd ma seta’ jinjoraha.
Huwa qal li wara daż-żmien kollu, l-affarijet f’pajjiżna qajla nbidlu, u li wieħed għadu jħossu li jrid joqgħod attent x’jikteb.
Julian Delia fakkar li fl-2021 biss inqatlu 4 ġurnalisti madwar id-dinja, bi 28 minnhom jinqatlu speċifikament minħabba l-istejjer li kienu qegħdin jaħdmu fuqhom, eżatt bħal ma ġara lil Daphne Caruana Galizia.
Huwa qal li minkejja l-mod brutali li bih inqatlet, illum għad hawn min qed ikompli jaħdem biex toħroġ il-verità u biex issir ġustizzja.
“Sirt ġurnalist għax Daphne għallmitni li m’hemmx arma li qatt tista tikkompeti mal-verita’. Il-verita’ m’għandiex forom varji, ma tħallix spazju għal min jixtieq jaħrabha – ma’ taċċettax kompromessi ma’ kuxjenza mgħerrqa fil-korruzzjoni”.
//= $special ?>