Lokali

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru se tkun in-norma l-ġdida?

Żmien il-biljetti tal-ajru rħas nistgħu nikkunsidrawh xi ħaġa tal-passat.

Sostna dan Willie Walsh, id-Direttur tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Trasport tal-Ajru meta spjega kif il-prezzijiet se jkomplu jiżdiedu drastikament, minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil.

Huwa sostna li bl-ekonomiji  globali li għadhom qed jirkupraw mill-pandemija tal-Covid…u konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna…il-preżż taż-żejt żdied. U għalhekk dawn l-ispejjeż kollha se jkunu qed jgħaddu f’ħoġor il-konsumatur.

Walsh sostna li min qed jaħseb biex fix-xhur li ġejjin imur vaganza għandu jkun preparat li l-prezzijiet se jkomplu jiżdiedu…għaliex prezz għoli taż-żejt ifisser aktar infieq biex tibbukkja siġġu fuq ajruplan.

Huwa insista li apparti ż-żidiet fil-prezzijiet…il-konsumatur irid iħejji ruħu wkoll għal ħafna titjiriet li se jkunu qed jiġu mħassra fl-isfond ta’ konfużjoni f’uħud mill-ajruporti internazzjonali fost oħrajn f’Heathrow u Gatwick.

Walsh spjega li ċertu ajruporti mhux qed ilaħqu u insista li hemm bżonn jaraw x’se jagħmlu biex jakkomodaw kemm jista jkun nies.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta indirizzat il-kwistjoni tat-taħwid li hemm fl-ajruport Ingliż ta’ Heathrow fejn spjegat li proprju f’dawn il-jiem sal-24 ta’ Lulju l-passiġġieri jafu jesperjenzaw tibdil fid-dati tal-ivjaġġar tagħhom kawża ta’ sfidi enormi li qed iħabbat wiċċu magħhom dan l-ajruport partikolarment ta’ sigurtà u operat ieħor.

Tkellem ukoll Jozsef Varadi l-Kap Eżekuttiv tal-WizzAir li insista li l-linji tal-ajru mhux qed ilaħqu mad-domanda ta’ passiġġieri li jridu jsiefru. Dan minħabba l-fatt li waqt il-pandemija kienu diversi l-ħaddiema li telqu minn xogħlhom biex isibu impjieg ieħor..bil-konsegwenza li issa l-ajruporti qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas qawwi ta’ staff.