Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti raġel ieħor b’rabta ma’ żewġ serqiet f’Marsalforn

Aktar kmieni llum, raġel, Olandiż ta’ 28 sena residenti il-Munxar, tressaq quddiem il-Qorti u wieġeb mhux ħati li kien involut f’żewġ serqiet bi vjolenza li seħħew f’Marsalforn, nhar l-10 ta’ Lulju li għadda.

Investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex wasslu sabiex fi ftit sigħat jiġu arrestati żewġt irġiel, Libjan ta’ 42 residenti l-Munxar u Malti ta’ 26 sena residenti Għajnsielem. Dawn kienu tressqu l-Qorti fit-12 ta’ Lulju fejn wieġbu mhux ħatja u nħelsu mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Wara li ż-żewġt irġiel tressqu l-Qorti, il-ħidma tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Għawdex ma waqfitx hawn. Huma komplew bl-investigazzjonijiet intensivi li wasslu sabiex jiġi identifikat u arrestat it-tielet raġel li allegatament kien involut f’dawn is-serqiet.

L-Olandiż tressaq mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana fil-Qorti t’Għawdex. Hu wieġeb ukoll mhux ħati u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonjiet.