Lokali

“L-uffiċjali ma jistgħux jibqgħu jaħdmu f’kundizzjonijiet sub-standard” – MPU

Hekk kif il-ħajja issa tirritorna lura għan-normal….bil-ġimgħa ddedikata għall-Pulizija tasal fi tmiemha…nersqu ‘l bogħod mill-kliem ħelu u l-bċejjeċ promozzjonali…..bl-uffiċjali jkollhom jibqgħu jaħdmu f’ambjenti sub-standard.

Sostniet din l-Malta Police Union fi stqarrija fejn insistiet li l-membri tal-Korp qed jistħu joffru s-servizzi tagħhom lill-persuni li ġejjin minn kull strata tas-soċjetà…f’binjiet li mhux xierqa..bħal fost oħrajn il-kundizzjoni prekarja li tinsab fiha l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.

L-MPU spjegat li l-Korp jinsab fit-tielet sena ta’ strateġija li suppost kellha tkopri 5 snin….strateġija li s’issa l-unjin saħqet li ma wasslet għal imkien għajr policies li ġabu kaos totali fid-dipartimenti.

L-unjin saħqet li għadhom mhux jaraw pjanijiet sabiex fost oħrajn il-binjiet tal-Korpi kif ukoll l-Għasses jingħataw rinovazzjoni xierqa, sabiex verament ikunu binjiet xempju ta’ awtorità…iżda minflok, kompliet l-MPU…qishom djar tal-waħx.

L-MPU saħqet li l-uffiċjali jispiċċaw iqattgħu tnax-il siegħa f’ambjent u kundizzjonijiet mhux xierqa…fejn il-motivazzjoni tisparixxilek f’ħakka t’għajn.

L-Unjin appellat sabiex isir studju mill-aktar fis hekk kif kompliet li laqgħa zebgħa mal-ħajt…bidla fl-islogans u tibdil tal-imwejjed ċertament li mhux se jbidlu l-ambjent. L-MPU saħqet li l-għasses tal-pulizija għandhom ikunu mgħammra b’dak kollu meħtieġ…inkluż staff room u changing rooms.

Minkejja din ir-reazzjoni kontinwa mhux biss mill-MPU iżda anke mill-POU fejn qed jappellaw kontinwament għal kundizzjonijiet aħjar għall-Pulizija ….Net News tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà rigward din is-sitwazzjoni iżda, filwaqt li rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom….it-tweġiba kienet kemmxejn xotta.

Dan filwaqt li minkejja l-appelli u d-direttivi tal-Pulizija….skont is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u eks membru tal-Korp – Andy Ellul….għal Gvern il-Pulizija m’għandhomx problemi.