Id-diversi opri tal-arti, l-arkittetura, ix-xogħol artistiku tar-refettorju, u anke kripta li għanha mal-280 sena… u li taraġ li jwassal għaliha nstab dan l-aħħar se jkunu aċċessibbli għall-pubbliku f’open weekend li se jsir fil-Kurja tal-Arċisqof nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej,
F’dan l-open weekend, it tieni wieħed tax-xorta tiegħu, se jagħti wkoll stampa aktar ċara lil dawk li jattendu għalih tal-ħidma li ssir mill-arċidjoċesi Maltija.
Tul dan l-open weekend, wieħed se jkun jista’ jammira wkoll ix-xogħolijiet artistiċi ta’ studenti minn skejjel tal-Knisja, tal-Istat kif ukoll dawk indipendenti li kienu ħejjew qabel il-wasla ta’ Papa Franġisku f’pajjiżna aktar kmieni din is-sena.
Il-biċċiet tal-arti jirrifflettu t-tema taż-żjara tal-Papa, Fratelli Tutti – ‘Ilkoll Aħwa’ u jirrappreżentaw il-ħidma ta’ studenti minn 65 skola differenti.
Dan apparti erba’ wirjiet oħra – wirja b’dokumenti storiċi Maltin waqt il-pontifikat tal-Papa Piju XII, wirja dwar il-Beatu Nazju Falzon, 15-il pittura tal-artist Malti Joseph Calleja kif ukoll diversi oġġetti u filmati marbuta mal-erba’ żjarat f’Malta mill-Papiet fis-snin li għaddew.
Preżenti waqt dan l-open weekend se jkun hemm diversi entitatijiet tal-Knisja li se jkunu qed jitkellmu dwar il-ħidma speċifika li qed iwettqu… fosthom id-Dar tal-Providenza, Cartias malta, Fondazzjoni Sebħ, il-Kummissjoni Immigranti u d-Djar tal-Knisja għall-anzjani.
Fil-bitħa ċentrali tal-Kurja se jkun hemm divertiment kontinwu permezz ta’ mużika live.
Il-Kurja tal-Arċisqof se tkun miftuħa għall-pubbliku s-Sibt 23 ta’ Lulju mill-5pm sal-10pm, u l-Ħadd 24 ta’ Lulju mit-8:30am san-12:30pm u mill-5pm sat-8:30pm.
Id-dħul huwa b’xejn, iżda donazzjonijiet b’risq The Archbishop’s Charity Fund huma apprezzati.
//= $special ?>