Ir-riħ qawwi u l-arja sħuna xejn mhuma jgħin biex il-pumpieri Franċiżi jikkontrollaw nirien qawwija li żviluppaw ħamest ijiem ilu fir-reġjun ta’ Bordeaux. Dan hekk kif diversi pajjiżi Ewropej qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet simili minħabba sħana estrema.
Fin-naħa t’isfel ta’ Spanja, qrib Costa del Sol, mal-2,300 kellhom jiġu evakwati. Dan filwaqt fir-reġjun Franċiż ta’ Gironde – fejn is-sitwazzjoni hi ferm agħar – ġew evakwati erba’ darbiet aktar dan l-ammont.
Intant fil-Portugall, tilef ħajtu pilota ta’ ajruplan li jintuża biex jintefa l-ilma fuq in-nar. Dan wara li l-ajruplan li kien qed itajjar iġġarraf fiz-zona ta’ Foz Coa viċin il-fruntiera Spanjola.

